10 . 01 . 20

Viżjoni għal 20/20: Nota minn Sean Buhagiar

Bdejna l-2020 u din is-sena se nippreżentawlkom viżjoni perfetta. Qed niċċajta. Fil-fatt, jidher li ħafna ditti jafu joffru viżjoni perfetta din is-sena. Huwa ovvju li jagħmlu hekk imma jkunu kemxejn qarrieqa. Il-viżjoni 20/20 fil-fatt titkellem dwar l-akutezza tal-vista – kemm wieħed jara ċar – li hija biss parti waħda mill-abbiltà tal-bnedmin biex jaraw. Bażikament l-akutezza viżwali tiddefinixxi biss kemm persuna tkun kapaċi tara l-oġġetti minn għoxrin pied ‘il bogħod. Platun iddikkjara li l-viżjoni hija l-aktar waħda nobbli mis-sensi kollha minħabba ħafna iktar minn hekk. Huwa ċar li l-viżjoni li rridu nitkellmu dwarha hawnhekk mhix sempliċement pjan, jew kalendarju. Hija l-abbiltà li tara lil hinn mill-ponta ta’ mnieħrek, ferm lil hinn minn dak li tilħaq l-għajn; huwa l-poter li timmaġina lil hinn mill-akbar ħolm tiegħek; il-ħila li tbiddel l-istatus quo. Din żgur li mhix “perfetta”. WIlliam Turner ma kienx jara l-kuluri għax kien “colour-blind”, Da Vinci kellu eżotropija intermittenti, John Milton għama qabel kiteb “Paradise Lost”. Allura aħna tassew kuntenti li għandna viżjoni, u kelb.

Il-kelb li taraw fuq il-qoxra u l-parti ta’ wara ta’ dan il-programm huwa fil-fatt Pharaoh Hound, Kelb tal-Fenek. Huwa l-kelb nazzjonali ta’ Malta, indiġenu għal gżiritna. Ir-razza għandha aktar minn 2,000 sena. Huwa l-uniku kelb fid-dinja li jiħmar. Bħala “sighthound” jew kelb li jikkaċċa primarjament bl-vista aktar milli bix-xamm, il-Kelb tal-Fenek għandu sens qawwi tal-vista. Il-logo tat-trademark tagħna huwa bbażat fuq mudell tal-maskra tal-karti ta’ dan il-kelb.

Issa, bħall-klieb kollha, ġeneralment irridu nkunu ħbieb miegħek u rridu nqattgħu ħafna ħin miegħek. Huwa għalhekk li ser nippreżentaw il-programm tagħna kull erba’ xhur tas-sena. B’dan il-mod nemmnu li nistgħu nkunu aktar flessibbli, aktar urġenti u x-xogħol tagħna jista’ jinħass eqreb lejn l-udjenzi tagħna. F’dawn il-paġni tistgħu taqraw il-pjanijiet tagħna għall-ewwel erba’ xhur tal-2020. Imbagħad ikollna avvenimenti, komplotti u strateġiji regolari biex tkunu tafu x’qed nagħmlu għall-kumplament tas-sena. Jekk tafna, taf li aħna dejjem ikollna l-aħjar interess tiegħek f’moħħna. L-istess bħall-klieb. Għaldaqstant iċċekkja l-produzzjonijiet li dalwaqt jaslu f’teatru viċin tiegħek. imma agħti ħarsa wkoll lejn ix-xogħol li jikkatalizza l-bidla u jipprovoka diskussjoni fl-ambitu tat-teatru lokali bħal XENI u Taħdita Teatru. Bħall-klieb, għandna bżonnok attent. Bażikament aħna kollha klieb hawn.

Din hija biss ir-raba’ sena mill-eżistenza ta’ Teatru Malta, u hija t-tielet sena ta’ programmazzjoni tagħna. Hemm aforiżmu antik li jgħid li jekk tagħti forestier sitt sigħat biex jaqta’ siġra, huwa jagħmel l-ewwel erba’ sigħat isinn il-mannara. Jiġifieri, jekk nimxu bħal dan, f’Teatru Malta għadna qed insinnu. Fil-verità, nixtiequ nibqgħu nsinnu bla ma qatt inqaċċtu s-siġra. Bħalissa diġà qed jinqerdu jew jinħarqu wisq siġar madwar id-dinja.

Il-punt hu li dan il-programm attwali huwa dwar il-fatt li aħna dejjem għaddejjin insinnu u niffukaw il-viżjoni tagħna. Wassalnilek xogħol relevanti ta’ kwalità tajba, f’kull tip ta’ post. Tista’ tarana u tgawdina fi kwalunkwe post, kullimkien u fejn l-inqas tistenna li se tarana; klabb tat-trobbija tal-ħamiem, is-Salini tax-Xwejni, il-foss tal-Mdina, iċ-Ċinema Rialto, kif ukoll f’postijiet aktar standard bħall-majjestà tiegħu, it-Teatru Manoel. Ridna noħolqu xogħol ġeneruż li jsib il-kwalità fl-onestà tal-proċess, bħal Ħax-Xjuħ u Trikki Trakki. Xogħol kollaborattiv li jespandi l-konfini ta’ storja lokali bħal VII u l-Panto fid-Dlam. Xogħol ambizzjuż li jisfida udjenzi żgħażagħ bħal Larinġa Mekkanika u Il-Qtates ta’ max-Xatt. Ħafna minn dan ix-xogħol qed ikompli jiġi żviluppat aktar flimkien ma’ xogħol awdaċi ġdid. Iżda ħafna minn dan issa jinħass wisq 2019.

Xi ngħidu dwar l-2020? X’inhi l-viżjoni? Staqsi lill-kelb.

– Sean Buhagiar