Spazji Teatrali

X’inhi l-Iskema ta’ Finanzjament għal Spazji Teatrali?

Wara li saret identifikazzjoni ta’ 72 teatru f’Malta permezz ta’ stħarriġ nazzjonali, tnieda l-istudju ‘Spazji Teatrali – A Catalogue of Theatres in Malta and Gozo’. L-għan tal-istudju kien li jevalwa l-istat tal-binjiet teatrali f’Malta u Għawdex u jiddeskrivi l-karatteristiċi tat-teatri elenkati kif ukoll l-użu potenzjali tagħhom għal min hu interessat li jtella’ produzzjoni fihom.

X’inhuma l-għanijiet tal-Fond?

Il-fond hu maħdum b’tali mod li jassigura li jitħalla legat għall-istħarriġ imsemmi hawn fuq. L-għanijiet tal-fond huma:

  • Li jiġu offruti mezzi finanzjarji biex isir titjib fil-postijiet magħżula, biex b’hekk jagħmilhom funzjonali u aktar professjonali
  • Biex iħeġġeġ id-diċentralizzazzjoni tal-użu tal-ispazji teatrali fil-Gżejjer Maltin billi issir diversifikazzjoni tal-inħawi, udjenzi u opportunitajiet
  • Biex jakkomoda artisti performattivi u prattikanti tal-arti inkluż kumpaniji bi spazji li jkunu jistgħu jipprovdu lok għal provi, workshops u spazji performattivi
  • Biex jimmassimizza l-opportunità għal xogħol artistiku aktar sostenibbli

Fiex se jgħin dan il-Fond?

L-iskema tista’ tkopri sa 80% tal-ispejjeż eliġibbli sa massimu ta’ €20,000 għal kull proġett. Il-proġett irid iseħħ fi żmien 12-il xahar mill-aħħar data ta’ meta jitħabbru r-riżultati finali.

L-applikanti jridu jiżguraw li l-idea proposta twassal biex tinħoloq viżjoni għall-ispazju. Din tiġi diskussa u elaborata iktar fil-fond waqt diskussjonijiet mal-Kunsill Malti għall-Arti/ Teatru Malta.

Spejjeż aċċettati għal din l-iskema jinkludu kwalunkwe titjib u/jew tranġar (refurbishment) fil-bini li għandu l-għan jiżviluppa l-ispazju biex isir konformi mal-istandards professjonali attwali. Eżempji ta’ proġetti li jaqgħu taħt din l-iskema huma tikħil tal-post; art apposta għall-palk; xiri ta’ purtieri u tagħmir tekniku; xogħol li jiffaċilita l-aċċess, saħħa u sigurtà, soundproofing jew titjib akustiku fost l-oħrajn.

L-iskema ma tistax tappoġġja xogħol strutturali ewlieni (bħall-bini tal-ispazju nnifsu jew parti minnu jew parti mill-assemblaġġ tiegħu, li jipprovdi struttura ta’ appoġġ meħtieġa għall-bini kollu jew kwalunkwe parti minnu) u lanqas l-implimentazzjoni ta’ proġetti bħala parti mill-programm artistiku tat-teatru.

Għall-iktar informazzjoni fuq kif tapplika għall dan il-fond żur Spazji Teatrali