The Best European Show: Drama Komika tal-Assurditajiet fit-Teatru u fl-Ewropa

F’diskursata li kellna dan l-aħħar ma’ Philip Leone Ganado u Gianni Selvaggi, żewġ atturi lokali li jagħmlu parti minn ‘The Best European Show’, tkellimna dwar l-esperjenzi personali tagħhom waqt li kienu l-Polonja u Parma għal din il-produzzjoni.

Philip Leone Ganado, li l-karattru tiegħu fil-produzzjoni jkebbes protesta mqanqla quddiem il-kamra tad-delibirazzjoni tal-ġurati, juri l-kumplessità ta’ dan l-irwol. “Idealista, imma dak li għandu jagħmel, jagħmlu, lest biex joħroġ għonqu għal dak li jemmen fih,” jgħid Philip. Għalih, minkejja li hu attur ta’ ċertu esperjenza, din ma kinitx produzzjoni kwalunkwe, kienet waħda fejn kien qed jesplora kollaborazzjoni fuq skala li qatt ma esperjenza bħalha.  

Philip qal, li l-fatt li qattgħu tmien ġimgħat jgħixu f’Opole, fil-Polonja, ma kienx sempliċiment bidla fil-post, imma anke esperjenza ta’ taħlit ta’ kulturi u tradizzjonijiet teatrali. “Bis-saħħa tal-iskeda tal-preparamenti li kienet mis-2pm sad-9pm, sitt darbiet fil-ġimgħa, il-kast ingħaqad iktar u sar iktar qisu familja.” Philip jiftakar fil-Ħdud, b’ħafna għaġin, ħafna nbejjed, iktar milli wieħed jiflaħ, u diski tal-Eurovision, li bis-saħħa tagħhom nibtu rabtiet li xejnu kull ostaklu lingwistiku.

L-iktar ħaġa li laqtet lil Philip kienet kif teatri u artisti oħrajn huma mdorrijin f’dan it-tip ta’ produzzjonijiet. “Dawk l-ostakli li f’Malta naħsbu li jeżistu – il-lingwa, ir-riżorsi, il-kultura – pajjiżi u teatri oħra, diġà rnexxilhom jgħelbuhom”, jgħid. “It-teatru tagħna jista’ biss jissaħħaħ u jarrikkixxi ruħu billi jinfetaħ għall-Ewropa u għad-dinja kollha. Din għandha tkun prijorità.”

Gianni Selvaggi, li għandu l-irwol ta’ Eden, l-Assistent tad-Direttur tal-Festival, jitkellem dwar kif żvolġa l-karattru tiegħu. Fil-bidu Eden ikun iktar kawt imma mbagħad ma jibqax jiddejjaq jitkellem, u b’mod sottili jinfluwenza s-sitwazzjonijiet li jkunu qed jinbtu. Il-karattru li għandu Selvaggi f’din il-produzzjoni, jiżvolġi fi sfond għani tal-politika teatrali Ewropea, li tirrifletti ż-żifna kumplessa tal-passjoni u l-politika.

“Immaġina, taqbad dan il-kunċett f’dan il-kuntest u tapplikah fid-dinja tat-Teatru. Bħala produzzjoni, ngħid li hija tassew interessanti, kummiedja traġika u assurda.” “L-esperjenzi fil-Polonja u Parma offrew diversi laqtiet differenti. L-atmosfera ħiemda tiegħhom offrew ambjent mill-aqwa biex nikkonċentraw fuq ħidmietna.”

Selvaggi qal li l-interazzjoni mal-udjenzi fil-Polonja u l-Italja żvelaw differenzi sottili. It-Taljani, li ma ddependewx daqshekk fuq is-sopratitoli, iffokaw iktar fuq il-fiżiku fir-rappreżentazzjoni. Dawn ir-reazzjonijiet differenti jenfasizzaw il-messaġġ universali ta’ din il-produzzjoni, li jegħlbu l-ostakli tal-lingwa sabiex iwasslu messaġġ b’saħħtu.

Fost il-memorji li se jgħożż, Selvaggi jsemmi għawma ta’ bla ħsieb f’lag f’Opole ma’ Philip. Dawn il-mumenti jiġbru fihom il-proprju sustanza tal-produzzjoni – taħlita ta’ serjetà u assurdità, bħalma huwa l-ispettaklu minnu nnifsu. L-iktar realizzazzjoni għal qalb Selvaggi kienet li l-produzzjoni għaqqdet atturi Ewropej, li kollha ġejjin minn sfond differenti, biex joħolqu xi ħaġa speċjali. “Mhijiex faċli – li tgħaqqad ħames teatri biex tikkoproduċi biċċa xogħol ma’ 11-il attur, bi 8 lingwi differenti… hija xi ħaġa pjuttost speċjali.”

Qabel it-tnedija ta’ din ir-rapprezentazzjoni f’Malta ġewwa t-Teatru Manoel fi Frar, Leone Ganado u Selvaggi jiddeskrivu dan l-ispettaklu bħala biċċa xogħol li tqanqal il-ħsieb fuq it-teatru Ewropew, opportunità biex wieħed jesperjenza atturi li qatt ma rahom fuq il-palk Malti, u ħarsa ħafifa fuq dak li jista’ jkun it-teatru Malti bħala parti integrali mix-xenarju artistiku Ewropew.

Biljetti bikrin għal ‘The Best European Show’ għadhom kif bdew jinbiegħu u se jkunu disponibbli sal-31 ta’ Diċembru. Aħtaf l-opportunità biex ma titlifx post. Ixtri l-biljetti minn hawn.