03 . 12 . 20

Stqarrija mill-Kunsill Malti għal-Arti u Teatru Malta: Pia Zammit vs. It-Torċa

Il-ħelsien tal-espressjoni, id-distinzjoni ċara bejn l-individwu u l-persona tal-artist, kif ukoll l-użu ħieles tal-parodija u s-satira f’kull diskors artistiku ta’ kull sura u għamla, huma elementi fundamentali li kull soċjetà demokratika għandha tgħożż u tippromwovi mingħajr tfixkil jew indħil. Huwa xieraq għalhekk li l-artist u kull min huwa involut fil-qasam artistiku u kulturali jkollu l-konfort li l-ħelsien tal-espressjoni f’kull forma tiegħu ma’ jkun qatt mittiefes jew imtappan. Il-Kunsill Malti għall-Arti, ma’ Teatru Malta, jinsistu li jibqgħu disposti li, flimkien mal-Gvern, hekk kif f’dawn l-aħħar snin kienu ta’ xprun biex jitwettqu r-riformi legali meħtieġa partikolarment bit-tibdil fil-liġijiet marbuta mad-drittijiet tal-artisti u mal-att dwar il-midja u l-malafama, ikomplu jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tal-artist jibqgħu jissaħħu u difiżi fil-ġejjieni.