Stejjer Mill-Ġimgħa l-Kbira ma’ Martin Gauci
Fid-dawl tal-kważi-lockdown u l-kanċellazzjoni tal-purċissjonijiet kollha tal-Ġimgħa l-Kbira, aħna rrikorrejna lejn il-produttur tat-teatru, dilettant tad-drammi tal-passjoni u membru tal-Atelier Francis Ebejer, Martin Guaci, sabiex jagħtina ftit informazzjoni dwar it-tradizzjoni tad-drammi tal-passjoni u x-xogħol li jirrikjedi dan. Nisperaw li se tgawdu din l-intervista tagħna ma’ Martin hawn taħt.
Kemm ilek involut fil-produzzjoni tad-drammi tal-passjoni u kemm il-dramm tal-passjoni pproduċejt s’issa?
DWAL ĠODDA twaqqfu fl-1970; kellhom bħala l-ewwel “producer” lil Karmenu Aquilina, li b’sogħba ħalliena dan l-aħħar. Bejn l-1972-74, bdew jieħdu sehem fil-konkors tal-Mġarr fejn ġew it-tielet u r-raba’. Mill-1975, L-Għaqda bdiet twaħħal xogħol teatrali mal-purċissjoni bil-vari tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira, li f’Ħal Għargħur bdiet isseħħ f’Ħadd il-Palm. Għall-bidu bdiet issir fi 3 taqsimiet: fil-bidu, fin-nofs għal għonq it-triq fi ġnien żdingat, u fi tmiem il-purċissjoni. Imbagħad, lil hinn minn xi forma ta’ pageant, din inbidlet f’xogħol teatrali impenjattiv f’żewġt atti: fil-bidu u fi tmiem, fejn kollox huwa live, l-atturi jinterzjaw ruħhom fil-purċissjoni u ġieli jirreċtaw tulha wkoll, u fit-tieni att jitwaqqfu l-vari f’nofs il-pjazza qabel jiddaħħlu fil-knisja. Tinfetaħ diskussjoni mal-persunaġġi tradizzjonali tal-vari li jieħdu l-ħajja fuq il-palk. Jixħtu dawl fuq jekk it-tbatija – bħat-teatru – hija mazza li tkisser jew tonġor. Ingħatajt it-tmexxija tal-Għaqda fl-1979, u tal-produzzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fl-1982. Iżda mill-bidu kont involut fiha: mal-mużika, wara l-kwinti, immexxi l-korus, kitba, produzzjoni ta’ att minnhom. U jseħħ it-tislib, mera tat-tislib ta’ żmienna. Bejn l-1996 u 2003, it-treġija kienet f’idejn marti Theresa iżda bqajt ngħaqqad it-test.
Iddeskrivi l-proċess tat-tħejjija għal dramm tal-passjoni, minn kemm kmieni jibda x-xogħol fuq l-ispettaklu?
Il-proċess ta’ tħejjija għal kull produzzjoni jibda mill-ewwel fil-Ġimgħa Mqaddsa. F’dawn l-aħħar snin (s’intendi mhux fil-lockdown tal-2020), saret drawwa li ‘core-group’ minn dawk involuti fil-produzzjoni ta’ dik is-sena, jitilgħu Għawdex, jirreċtaw siltiet mill-produzzjoni ta’ Ħadd il-Palm nhar il-Ġimgħa l-Kbira f’xi kappella għal udjenza magħżula fil-funzjoni tradizzjonali tal-adorazzjoni tas-salib. U dlonk jitnidew post-mortem u diskussjoni lejn fejn u kif se jterrqu d-DWAL ĠODDA lil hinn. Ħsibijiet, diskussjonijiet, smigħ ta’ programmi jew xi biċċa mużika, xi film ‘iebes jew aħrax’ … U hekk jibda jinhema kollox sa ma …
Sal-Milied, hu u jitwieled HU, id-DWAL ĠODDA jkunu qed iħokku rashom kif se jsallbuh. Jintrama l-palk fis-Sala Parrokkjali u lejn l-aħħar ta’ Jannar jibda proċess ta’ 10 gimgħat ta’ rehearsals. Nhar it-Tlieta u l-Erbgħa ta’ qabel Ħadd il-Palm isiru żewġ rappreżentazzjonijiet ġewwa, għal udjenza magħżula u dawk li ma jifilħux joqogħdu bilwieqfa. U tibda maratona biex jiżżarma l-palk u jintrama rżin tul iz-zuntier sakemm nhar il-Palm Ħal Għargħur ikun ‘tal-festa’.
DWAL ĠODDA ġie kkreditat li pproduċa “teatru innovattiv”. X’jagħmel id-drammi tal-passjoni tiegħek innovattivi?
L-ewwelnett għax nitilqu mit-tradizzjoni u l-paraliturgija ta’ purċissjoni għażiża tul snin twal għall-poplu Malti: dik tal-Ġimgħa l-Kbira; imbagħad għax nimirħu lil hinn ħalli naraw l-attwalità tagħha għal żminijietna. Eżempju: indagajna kif jidħlu fil-Ġimgħa l-Kbira ta’ żminijietna, persunaġġi bħal Jitzak Rabin, l-arċisqof Romero, Madre Theresa; jerga’ nagħmlu ħilitna biex nuru kif il-persunaġġi tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira (il-Madonna, Ġwanni, il-Madalena, Pilatu u martu u oħrajn għandhom x’jgħidu lill-bniedem post-modern. (fl-2020 kellha tidħol Malala.)
Din se tkun it-tieni sena li sfortunatament kellek tħassar id-dramm tal-passjoni tant mistenni li normalment iseħħ nhar il-Ħadd il-Palm f’Ħal Għargħur. Dan xi jfisser għalik u għat-troupe tad-drama tiegħek?
Aħna u niltaqgħu biex nibnu dokumentarju: 50 sena f’50 minuta, il-kelma ewlenija li spiss ittenniet kienet ‘familja’. U kif tista’ familja tħossha komda meta ma tiltaqax jew tiltaqa’ biss virtwalment???!! Minkejja li xorta nippruvaw inżommu l-kuntatt ma’ xulxin u nkunu għal xulxin ta’ spalla li fuqha dak li jkun jista’ jnewwaħ, qed inħossu n-nuqqas ta’ kuntant fiżiku: li kien jibda ħin qabel ir-rehearsals, waqthom, u wara meta ndumu niddiskutu, ġieli sas-2.00 am. Il-kitla tal-kafè dejjem kienet għalina sors ta’ mirakli, u dejjem kellna xi ħaġa x’imeximxu: kemm għall-ġisem kif ukoll għar-ruħ għatxana.
Dawl Ġodda twaqqfet fl-1970 u dan l-aħħar iċċelebrat il-50 anniversarju. Kif irnexxielek tfakkar dan l-avventiment waqt il-pandemija?
Billi bżajna għal saħħet xulxin u l-familji tagħna hekk li b’maturità ddeċidejna li ma niltaqgħux fis-Sala Parrokkjali fejn għandna s-sede tagħna għajr f’numru żgħir hafna skont id-direttivi tal-awtorijiet tas-saħħa. Billi għamilna ħilitna biex inkunu ta’ fejda ta’ xulxin f’waqtiet diffiċli. Qed inħejju dokumentarju (ara 4 – wasal fil-fażi tal-infinar), u intervistajna saħansitra nies li segwewna tul dawn l-aħħar snin (ħbieb, ex-membri, Paul Xuereb, Carmen Azzopardi, Profs. Vicki Cremona). Dan kellu jkun interzjat ma’ produzzjoni ta’ Novembru li għadda li fiha nġibu flimkien fuq il-palk karattri li jfakkru fi produzzjonijiet imgħoddija: Caravaggio, dak li jfittex fil-laned taż-żibel; dik li dejjem xtaqet taħdem tal-mara ta’ Pilatu iżda qatt ma tawhielha, u meta tawhielha tħassret il-produzzjoni (x’ironija!!) kif tħassret il-produzzjoni Deheb (l-isem jitkellem waħdu) tal-2020, kif ukoll tal-2021. Barra minn hekk is-sala ntużat (għallinqas) biex fiha jinġabru ħwejjeġ u uniformijiet għal skejjel fil-Kenja. Ippruvajna nħejju serje ta’ one-actor plays għal li jista’ jkun; Kellna nagħmlu dramm mal-quddiesa ta’ nofs il-lejl tal-Milied 2020, fil-kappella ta’ Marsalforn Għawdex. Iżda…
Fl-aħħarnett, x’hemm fit-triq għal DWAL ĠODDA ladarba tintemm din il-pandemija?
Din ma nazzardax inweġibha. Ukoll biex qed nikteb dan inħoss bħal qrusa. Għandi armajn 67 sena; laqgħetni fi ħdanha għaqda li għent biex titwaqqaf u flimkien il-membri taw armajn 500 produzzjoni. Jista’ jkun li l-mixja mimlija sħab. Wieħed tampari qalli “jeħtieġ nirransenjaw ruħna li se jkunu ta’ warajna li se jerġgħu jibdew jagħmlu teatru.” Irridu nibqgħu nemmnu li s-sens ta’ familja għadu qawwi; u jekk familja tkun magħquda tista’ tiġġedded u twettaq ħwejjeġ kbar; għax it-teatru jibqa’ għodda tajba għal dil-familja: mazza li tonġor mhux tkisser.
Barra minn hekk b’idejna fuq żaqqna ma qgħadniex: ħejjejna serje ta’ programmi għar-radju: Il-Via Sagra fi żmienna. Dawn se jixxandru tul il-Ġimgħa Mqaddsa, fuq Net FM u One Radio f’forom differenti bi tweġiba għas-sejħa tal-President ta’ Malta għall-Għaqda Nazzjonali. Kollox ma’ kollox, jekk kollox jgħaddi, imma dak li hu minqux fil-moħħ u l-qalb ta’ dawk li missew mal-Ġimgħa l-Kbira jew id-DWAL ĠODDA f’Ħal Għargħur, dak ma jitħassarx u ma jinsteraq qatt … u jibqa’ jhenni lil dak li jkun, l-iktar meta jpoġġi rasu fuq l-imħadda b’tama li joħlom sabiħ. Jgħaddi mill-kurdun ambiliku u jmewweġ lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Hekk : n i t t a m a w.