16 . 01 . 18

Spazji? Ħallu F’Idejna

Fl-2017, permezz tal-inizjattiva Spazji Teatrali tal-Kunsill Malti għall-Arti u tal-Fondazzjon Valletta 2018, għadd ta’ teatri ġew dokumentati f’pubblikazzjoni.
Wara l-miżura tal-baġit imnedija dan l-aħħar fl-2017, Teatru Malta se tkun qed tmexxi Strateġija għat-Teatri Reġjonali biex tidentifika kollaborazzjonijiet potenzjali ma’ spazji teatrali li għandhom sidien privati.


L-għan huwa li Teatru Malta tħejji lista ta’ kandidati li jistgħu jkunu interessati jikkollaboraw fir-rinovar ta’ spazju teatrali partikolari, u lista ta’ spazji potenzjali li huma ideali għal investiment bħal dan.
40% tal-baġit tal-2018 immexxi minn Teatru Malta se jkun investit fi studji pilota, strateġija u ppjanar tat-titjib fl-infrastruttura tat-teatru f’Malta u Għawdex.


Matul l-2018, Teatru Malta se tmexxi bord ta’ esperti biex dan ifassal pjan ta’ azzjoni għar-rinovar ta’ dawn l-ispazji marbutin mal-viżjoni ta’ Teatru Malta. Dawn l-ispazji jistgħu jsiru ċentri artistiċi reġjonali li l-użi tagħhom jistgħu jvarjaw: jistgħu jkunu spazji multifunzjonali li jilqgħu fihom spettakli, iservu bħala mħażen għall-bini ta’ settijiet u props, jistgħu jkunu spazji teatrali ffukati fuq kitba ġdida jew teatri kaxxa għal xogħol alternattiv.

Il-kunċett mhuwiex biss wieħed ta’ ristrutturar, iżda wkoll li kull spazju jerġa’ jingħata l-ħajja u jkun immexxi b’viżjoni.

INT TITĦARREĠ, AĦNA NIPPRODUĊU

Għandek bżonn spazju biex tagħmel il-provi u tesperimenta ? Aħna għandna ftehim ma’ Teatru Pandora, fejn jinsabu l-ewwel uffiċċji tagħna. Huwa spazju veru sabiħ u nixtiequ nużawh kemm jista’ jkun.

Jekk int interessat/a tuża dan l-ispazju għat-taħriġ, għall-provi jew għar-riċerka, kellimna. Aħna interessati noħolqu kollaborazzjonijiet fejn dawk li joħolqu t-teatru jistgħu jużaw l-ispazju tagħna biex jikkreaw, imbagħad aktar tard aħna ngħinuhom jiżviluppaw u/jew jipproduċu dak ix-xogħol jekk jidħol fil-viżjoni artistika tagħna.