Sejħa lill-Kumpaniji Teatrali: Jinfetħu l-Applikazzjonijiet għat-Theatre Company Programme

Tmexxi kumpanija teatrali u għandek kilba sabiex titla’ fuq il-palk iżda m’għandekx biżżejjed riżorsi biex tagħti ħajja lill-kreattività tiegħek? Għandna aħbar tajba għalik! Arts Council Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Malta, il-kumpanija teatrali nazzjonali, bi pjaċir iħabbar it-tnedija tat-Theatre Company Programme. Din l-inizjattiva ġiet maħluqa biex tagħti s-setgħa lill-kumpaniji teatrali, fejn se jiġu offruti fondi, sapport kif ukoll se tingħata opportunità biex il-kumpaniji teatrali, isiru kumpaniji assoċjati ma’ Teatru Malta għat-tliet snin li ġejjin.

Dwar xiex inhu l-Programm għall-Kumpaniji Teatrali?

Immaġina biss ikollok aċċess għal spazju fejn l-ideat kreattivi tiegħek jistgħu jiffjorixxu, il-grupp tiegħek jista’ jiltaqa’ u jirnexxi u l-vjaġġ artistiku tiegħek jista’ jiżvolġi u jikber fit-tliet snin li ġejjin. L-iskop tat-Theatre Company Programme huwa li jipprovdi lill-kumpaniji teatrali stabbiliti b’riżorsi biex jiżguraw post iddedikat għall-provi u prestazzjonijiet, filwaqt li jrawwem ambjent fejn l-innovazzjoni u kollaborazzjoni jkunu fil-qalba tal-proġett.

Min jista’ japplika?

Jekk inti għandek kumpanija teatrali li f’dawn l-aħħar tliet snin tellgħet portafoll b’għadd ta’ xogħlijiet u produzzjonijiet tajbin, din l-opportunità hija magħmula għalik! Inti eliġibbli biex tapplika kemm jekk l-entità hi reġistrata mal-Malta Business Registry kif ukoll jekk il-kumpanija hija mniżżla mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji. Barra minn hekk, kumpaniji jew gruppi teatrali jistgħu jingħaqdu flimkien biex jissottomettu applikazzjoni konġunta. Applikanti eliġibbli se jingħataw ukoll l-opportunità biex jgħallmu grupp/kumpanija teatrali li għadha tibda fid-dinja tal-ispettaklu, dan biex jitrawwem sens ta’ komunità u mod kif wieħed jista’ jrodd lura.

Għaliex għandek tapplika?

Theatre Company Programme ma joffrix biss sapport finanzjarju. Jekk wieħed jintgħażel, jidħol fiċ-ċans li jirċievi għotja li tammonta sa €100,000 li tista’ tintefaq fuq medda ta’ tliet snin. Dawn il-fondi jistgħu jkopru l-ispejjeż essenzjali bħar-renta għall-post fejn isiru l-provi/prestazzjonijiet jew inkella l-miżati għall-ġestjoni tal-post mikri. Iżda dan mhux kollox – li wieħed isir kumpanija assoċjata ma’ Teatru Malta jiftaħ bibien t’opportunitajiet u kollaborazzjonijiet ġodda, inkluż iċ-ċans għal koproduzzjonijiet u interazzjoni mill-viċin mat-tim tagħna. Dan huwa ħafna aktar minn sħubija, dan huwa vjaġġ lejn tkabbir ta’ esperjenzi artistiċi kondiviżi.

Kif tapplika

Wieħed jista’ japplika billi jsegwi l-punti li ġejjin;

  • Lesti portafoll: uri l-vjaġġ artistiku tal-kumpanija teatrali tiegħek, itfa’ dawl fuq ix-xogħol siewi li sar tul dawn l-aħħar tliet snin. Uri l-passjoni u l-impenn tiegħek. 
  • Fittex l-ispazju ideali għalik: Identifika l-ispazju li għandek f’moħħok fejn tkun tista’ toħloq u taħdem fuq ix-xogħlijiet kreattivi tiegħek. Dan jista’ jkun  kemm studio kif ukoll post fejn isiru l-provi/prestazzjonijiet, jew it-tnejn f’daqqa. Agħżel b’mod għaqli.
  • Ippreżenta l-proposti tiegħek: iktbilna l-proposti tiegħek fejn tgħidilna kif il-fondi se jiġu utilizzati, il-pjan ta’ kollaborazzjoni u kif se tgħallem lill-kumpaniji/gruppi oħrajn li għadhom jibdew fid-dinja tal-ispettaklu.
  • Issottometti l-applikazzjoni bid-dettalji kollha fuq is-sit ta’ Arts Council Malta 👉 https://artscouncilmalta.gov.mt/pages/funds-opportunities/schemes-2023/theatre-company-programme/