11 . 10 . 19

Sean Buhagiar fdat b’mandat ieħor bħala Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta

Wara li f’Awwissu li għadda ħarġet sejħa għal Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta għas-snin 2020-2022, Teatru Malta jixtieq jifraħ uffiċjalment lil Sean Buhagiar talli għal darba oħra kiseb din il-pożizzjoni. Sean Buhagiar kien ħa l-kariga tal-ewwel direttur artistiku tal-Kumpanija Teatrali Nazzjonali fl-2017.

Teatru Malta Launch, Teatru Metanoia, Luqa – March 2017

Waqt l-ewwel ħatra tiegħu, Teatru Malta produċa numru ta’ produzzjonijiet li involvew għadd kbir ta’ udjenzi. Insemmu pereżempju Ilħna Mitlufa, ħarsa teatrali lejn l-għana Maltija fit-Teatru Salesjan fl-2018, li mbagħad ittellgħet ukoll f’Għawdex u Torino fl-2019; Nassaba – Song of Bird li daret mal-każini lokali, u Raymond Fight Beck, dramm ġdid bil-Malti li ressaq ukoll lill-akkaniti tal-boksing lejn it-teatru għall-ewwel darba. Fl-2018, Teatru Malta stabbilixxa Trikki Trakki, Festival tat-Teatru għaż-Żgħar li issa riesaq b’suċċess lejn it-tielet sena tiegħu.  Teatru Malta huwa rikonoxxut ukoll bħala membru kburi tal-European Theatre Convention (ETC), l-akbar netwerk li teżisti għall-entitajiet teatrali pubbliċi fl-Ewropa. Barra li tipproduci u tippubblika xogħolijiet klassiċi tradotti bil-Malti, il-kumpanija kkumissjonat ukoll proġetti mhux konvenzjonali bħall-produzzjoni VII (Sette) bħala kommemorazzjoni f’għeluq il-100 anniversarju tal-irvellijiet tas-Sette Giugno kif ukoll il-Panto in the Dark, pantomima li twessa’ l-limiti tal-aċċessibbilta billi ttella’ teatru fid-dlam ċappa, l-ewwel waħda ta’ din ix-xorta f’Malta. Bħalissa Sean jinsab jiddirieġi Larinġa Mekkanika, l-ewwel traduzzjoni Maltija ta’ A Clockwork Orange – A Play with Music ta’ Anthony Burgess li qed tiġi adattata għal udjenzi żgħażagħ.

On the set of ”Raymond ”Fight” Beck”, March 2018

Fl-okkazjoni tal-ħatra mill-ġdid tiegħu Style on Sunday se jkun qed jistaqsi lil Sean xi ftit mistoqsijiet dwar il-viżjoni u l-intenzjonijiet tiegħu għat-tliet snin li ġejjin tat-Teatru Malta. Imma aħna nbatu bil-kurżità u għalhekk ma rnexxilniex inżommu lura milli naqsmu magħkom silta ċkejkna mill-intervista hawn!

Dan hija t-tieni mandat tiegħek bħala Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta. Meta tħares lura, tħoss li kont tagħmel xi ħaġa differenti matul l-ewwel tliet snin?

Dażgur! Dejjem għidna li ridna nieħdu r-riskji, ridna nagħmlu teatru innovattiv, xogħol li ma kienx qed jiġi prodott f’pajjiżna. Dan huwa riskjuż, u meta tieħu riskji, ovvjament tista’ tagħmel xi żbalji wkoll.

Kif qal Bernard Shaw, is-suċċess ma jikkonsistix f’li qatt ma tiżbalja imma li qatt ma tagħmel l-istess żball għat-tieni darba. L-evalwazzjoni tal-għażliet li nagħmlu turi rispett lejn il-pubbliku tagħna. L-iżbalji li għamilna se jaffettwawlna d-deċiżjonijiet li għad irridu nagħmlu fil-futur. Iżda żgur li se nibqgħu nagħmlu żbalji ġodda. Ma nistgħux nilagħbu mingħajr periklu, aħna dawk li għandna bżonn nieħdu r-riskji, b’rispett lejn is-settur tagħna.

Teatru Malta 2019 Programme Launch, City Lights Cinema Valletta, January 2019 – Photo by Lindsey Bahia

Dak li ma nbiddilx hija l-viżjoni. Hemm bżonn ta’ aktar minn tliet snin biex nipprovdu bidla kulturali u ninsabu tassew kburin ħafna minn dak li ksibna s’issa, fi tliet snin biss. Teatru Malta bena reputazzjoni soda, imma nkunu ferm arroganti kieku ngħidu li għamilna kollox perfett. Kellna produzzjonijiet ta’ suċċess u oħrajn ta’ inqas suċċess. Però dejjem ipproduċejna xogħol b’integrità u bl-uniku għan li nressqu teatru ta’ kwalità għall-pubbliku tagħna. Ruma ma nbnietx f’jum wieħed. Meta nħares lura lejn l-ewwel tliet snin tagħna, nifhem li se jirnexxielna nagħmlu aħjar.

Għall-intervista sħiħa tonqosx milli taħtaf kopja ta’ Style on Sunday nhar il-Ħadd 13 ta’ Ottubru mas-Sunday Times of Malta!