16 . 01 . 18

Nota mid-Direttur Artistiku … il-Programm tal-2018

X’inhu Teatru Malta? Għalfejn Teatru Malta? It-Teatru Malti kollu? It-Teatru bil-Malti? Aġenzija? Kumpanija?

Teatru Malta hija spjegata f’dawn il-paġni li ġejjin. Dan il-programm huwa l-ewwel spjega li jista’ jasal ifiehem x’inhi Teatru Malta u x’tista’ tkun, almenu kif qed narawha aħna. L-2017 kienet sena ta’ mistoqsijiet, ta’ studju, ta’ esperimentazzjoni, ta’ smigħ, ta’ ħsieb, ta’ xogħol wara l-kwinti.

Bdejna mix-xejn, anzi minn konferenza stampa u ftit agħa. Illum għandna uffiċċju fir-reġjun tax-Xlokk, għandna dehra, għandna preżenza diġitali, għandna għanqbuta ta’ kuntatti lokali u internazzjonali, programm ta’ infrastruttura u programm artistiku wkoll. Id-deċiżjoni tiegħi li Teatru Malta ma tipproduċi xejn fl-2017 forsi ma ġietx apprezzata minn kulħadd, imma nemmen li biex wieħed jibni, irid ikollu qafas sod, irid ikollu infrastruttura jew almenu pjan tajjeb ta’ infrastruttura. Għalhekk organizzajna ħafna sessjonijiet fejn l-għan primarju kien li nisimgħu. Barra minn dan, iddedikajna ħafna ħsieb, ħin u parti kbira mill-fondi disponibbli lil proġett ta’ infrastruttura li mhux se jgħin lit-teatru biss imma anke lil setturi bħaż-żfin u l-mużika. Għax fl-aħħar mill-aħħar irridu naħdmu f’ekosistema kulturali waħda.

Jiena nemmen li l-imperi u d-dittatorjati posthom fil-passat remot. Teatru Malta ma tistax tkun l-alpha u l-omega tat-Teatru f’Malta waħedha. Hemm settur sħiħ ta’ kumpaniji, entitajiet edukattivi, amatorjali, professjonali li magħhom nistgħu naħdmu. Għalhekk bdejna b’biżibilju kollaborazzjonijiet; smajna, tkellimna, argumentajna, iddiskutejna. Ipproponejna proġetti aħna, ħloqna proġetti flimkien, smajna l-artisti u pprogrammajna li ħolqu huma. Din il-borma, fiha ftit minn kollox, imma t-togħmiet kollha jmorru, qisha platt balbuljata tajba imma mżewqa b’togħmiet ġodda li ma tkunx qed tistenna.

Għalhekk nistgħu nitkellmu fuq kollaborazzjoni ma’ aktar minn tletin entità, nistgħu nitkellmu fuq budget ta’ aktar mid-doppju ta’ dak li ġie stipulat mill-budget ċentrali tal-gvern, nistgħu nitkellmu fuq għoxrin kollaborazzjoni internazzjonali u fuq bosta proġetti eċitanti. Jiena nemmen li l-futur huwa fil-koproduzzjonijiet u għalhekk għandna ħafna minnhom.

Qiegħdin intellgħu xogħol fuq bajjiet, teatri, każini, ċentri sportivi, spazji fil-periferiji u bosta spazji interessanti oħra. Qed ninteraġixxu mal-baned, mal-festi, mad-dilettanti tal-passjoni, mal-għannejja, man-nassaba, mal-artisti kontemporanji, mal-artisti konservattivi.

Madanakollu għadna nibdew, forsi se nagħmlu xi żbalji, jekk Alla jrid le. Pero’ dejjem lesti nisimgħu u nixtieq inħalli messaġġ lill-artisti u l-ħallieqa tat-teatru: Ejjew sa ħdejna, tkellmu, eqirdu, ipproponu, maqdru, faħħru imma ejjew. Teatru Malta ma ħaqqhiex isimha jekk ma tiġux. Minkejja li għandna produzzjonijiet differenti, u approċċ differenti għal kull waħda, l-għan jibqa’ l-istess – li nkunu Teatru Nazzjonali.

Nazzjonali għalija ma jfissirx li hemm udjenza waħda hemm barra, xi udjenza ideali, xi udjenza bl-istess gosti, jew udjenza aħjar minn oħra għax akbar – hemm bosta udjenzi u aħna rridu nsibuhom u nolqtuhom. Hemm dawk li jiftakru t-teatrin ħdejhom, hemm dawk li jħobbu t-teatru li jħasseb, li jdejjaq u jipprotesta. Hemm dawk li jħobbu t-Teatru li jdaħħaq u jnessi, hemm dawk li jħobbu Teatru mhux ovvju, kważi assurd jew astratt, dawk li jħobbuh bil-Malti, bl-Ingliż, mhux verbali, klassiku imma frisk, u bosta oħrajn għax ovvjament ma nistax insemmihom kollha hawn.

Nispera li b’dan l-ewwel programm, l-udjenzi nibdew inżiduhom u jsiru jħobbu t-Teatru dejjem aktar, għax ix-xogħol mhux kollox u l-ħajja tajjeb tgawdiha anke b’mumenti straordinarji ta’ immaġinazzjoni li naqsmu bejnietna fit-Teatru.

Pero’ minkejja dawn il-pjanijiet kollha, aħna rridu nibqgħu flessibbli, urġenti, biex vera nkunu relevanti – għalhekk żommu ruħkom dejjem aġġornati għax se nvarjaw, se nbiddlu, se nibqgħu nivvintaw. Ibqgħu magħna.

 

Sean Buhagiar