24 . 10 . 19

Nadia Vella, tgħidilna aktar dwar Min Hi!

Minn fuq ferrovija fl-Iżvezja għal teatru ġo Bormla, Nadia Vella tirrakkonta kif spiċċat taħdem fuq il-proġett “Min Hi?”

Iddeskrivilna l-proċess tal-provi s’issa.

Kont fuq ferrovija fl-Iżvezja aktar kmieni din is-sena meta tkellimt ma’ Ruben bit-telefon. Huwa spjegali fil-qosor l-ideat tiegħu għal dan il-proġett u bħala dilettanta tal-affarijiet tal-waħx, kont immedjatament affaxxinata. Din hija wkoll l-ewwel esperjenza tiegħi ma’ Teatru Malta u l-biċċa l-kbira tax-xogħol tiegħi s’issa kien bl-Ingliż, għaldaqstant ħadt gost bil-bidla. It-test miktub tant tajjeb minn Trevor Zahra flimkien mal-partitura ritmikament diffiċli ta’ Ruben kienu ta’ sfida, iżda s’issa qed nieħu pjaċir immens naħdem fuqhom. Qegħdin naħdmu wkoll bit-tazzi mimlijin bl-ilma biex nipproduċu ħsejjes, strumenti tal-perkussjoni, kif ukoll looper.

 Din il-Ġimgħa se tidħlu fit-teatru, għandek xi ftit ansjetà dwar il-ġimgħa tal-produzzjoni?

Tiċċajta! Għadni ma ltqajtx ma’ Lee-N s’issa, però minn dak li rajtha tagħmel fil-passat naf li hija attriċi brava li nispera se jkolli l-opportunità nitgħallem ħafna minngħandha. Minħabba li l-iskritt huwa kemmxejn kumpless u l-fatt li naf li Ruben huwa pittma dwar kull dettall, żgur li se jkun hemm xi sfidi tul il-proċess – Imma jiena ħerqana għall-ġimgħa tal-produzzjoni u dak li nista’ nitgħallem minn dawk li qed naħdem magħhom. Diġà kont xortija tajba li kelli l-opportunità naħdem ma’ Moritz, id-disinjatur tad-dawl, meta ħdimt il-parti ta’ Abigail Williams f’The Crucible, u verament ninsab ħerqana biex nara kif id-disinji tad-dawl tiegħu ser jgħaqqdu kollox.

Ruben semma’ li se tkun qed tadotta teknika magħrufa bħala “looping vokali” fil-kant tiegħek, inti diġà familjari ma’ dan il-metodu?

Din hija l-ewwel darba li qed naħdem b’looper. F’waħda mix-xeni qed nużaw il-Miserere Mei Deus ta’ Allegri maħduma għal 3 vuċijiet, imma fil-verità, se tkun il-vuċi tiegħi biss. Ruben se jkun qed iħaddem il-looper waqt li jien kull darba nkanta b’vuċi differenti biex noħolqu l-effett ta’ kor. Din it-teknika se tkun qed tintuża wkoll bit-test mitkellem u b’vokalizzazzjonijiet varji skont ix-xeni.

 X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar il-produzzjoni u x’għandha tistenna li tara l-udjenza?

Naf li kien hemm diversi reazzjonijiet għall-wirjiet fit-toroq li diġà ġew ippreżentati biex jippromwovu dan l-ispettaklu. Peress li kull persuna hija differenti, daqstant ieħor hija r-reazzjoni tagħhom għal dak li jaraw. Personalment inħoss li l-kontenut tal-ispettaklu jevoka s-sensi u li kull membru tal-udjenza se jiġi affettwat b’xi mod jew ieħor.

X’imiss għal Nadia Vella wara din?

Kuntenta ħafna li din is-sena diġà kienet mimlija b’xogħol u spettakli. B’xorti tajba għandi għadd ta’ proġetti oħra jistennewni. F’Novembru se nkanta f’kunċert rock bl-isem ‘Tribute to the Fallen Stars’ f’The Garage u din il-ġimgħa se nkun għall-ewwel darba qed nidħol fil-karattru ta’ Wednesday Addams għall-produzzjoni ta’ Arthaus ta’ The Addams Family Musical li se tittella’ fl-2020. Bħalissa qed nistinka wkoll biex is-sena d-dieħla nikseb il-Fellowship tiegħi mat-Trinity College ta’ Londra.