Mistoqsijiet frekwenti ma’ Sean Buhagiar dwar it-truppa tat-teatru ibrida ta’ Teatru Malta
Insellmilkom, jien Sean Buhagiar, id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta. Ninsabu ħerqana biex iniedu din l-innovazzjoni li hija t-truppa tat-teatru ibrida. Hawn taħt hawn dak kollu li għandek bżonn tkun taf dwar din l-inizjattiva.
M1: X’inhi t-Truppa tat-Teatru Ibrida?
Sean: It-Truppa tat-Teatru Ibrida hija inizjattiva pijuniera minn Teatru Malta, maħluqa sabiex twaħħad flimkien irwoli fuq il-palk flimkien ma’ dawk ta’ wara l-kwinti. L-għan tagħna huwa li noħolqu ensemble dinamiku u versatili li jista’ jaddatta ruħu għal diversi ħtiġijiet kreattivi u operattivi. Dan l-ensemble huwa ispirat minn dawk l-artisti mżewqin b’ħafna riżorsi, li jaħdmu għal rashom u ensembles oħra tat-teatru. Storikament dan narawh fiċ-ċirku fejn l-artisti jagħmlu rwoli differenti waqt żjarat fi bliet diversi. Jien stess ħdimt ma’ PermLab di Castaldo fl-Italja, immexxi mill-istudent ta’ Grotowski, Domenico Castaldo, li għadu jieħu sehem imma wkoll imexxi l-operat tal-kumpanija. L-ibridità, il-ħsieb ibridu u l-professjonisti ibridi daħlu sew fil-vokabolarju tas-seklu 21, kemm fl-attitudni u anke fl-ekonomiji korporattivi. Qed nipprovaw nużaw din ir-realtà ġdida lokali u anke internazzjonali sabiex niżviluppaw mod ġdid ta’ kif noħolqu ensemble nazzjonali.
M2: X’qed jispira l-ħolqien ta’ din it-truppa?
Sean: Flessibbiltà. Flessibbiltà. Flessibbiltà. L-idea ġiet wara li ġew osservati l-versatilità u l-adattabilità tal-artisti lokali li jieħdu sehem fi produzzjonijiet waqt li jieħdu ħsieb xogħlijiet oħra loġistiċi u jkollhom xi xogħol ieħor li jieħdu gost jagħmlu, fid-dinja kreattiva u anke jekk le, imma li jipprovdilhom għajxien. Ridna napplikaw dan l-approċċ multidimensjonali fil-kumpanija nazzjonali tat-teatru, li nipprovdu lill-artisti mudell ta’ impjiegi sostenibbli, full-time, li jagħtihom l-opportunità jesploraw aspetti differenti ta’ produzzjoni teatrali. Irridu li din l-opportunità tkun flessibbli biex tipproduċi biċċa xogħol teatrali avant-garde bi ftit mill-membri ta’ dan l-ensemble, biex jipproduċu festival, jittraduċu skripts, jagħmlu spettakli għal u fil-komunitajiet u ħafna iktar.
M3: Xi rwoli se jkollhom il-membri tat-truppa?
Sean: Il-membri se jkunu qed jieħdu sehem kemm fuq il-palk u anke wara l-kwinti, imma l-irwol ewlieni tagħhom se jkun dak kreattiv. L-irwoli jistgħu jkunu differenti ħafna u jinħolqu ad hoc. Jistgħu jinkludu r-reċtar, id-direzzjoni, dramaturġija, ħolqien ta’ kontenut, tmexxija ta’ proġetti, kitba, traduzzjoni, qari tal-provi, immaniġġjar tas-siti elettroniċi, immaniġġjar tal-mezzi soċjali u vidjografija. Madankollu dawn huma biss eżempji u mhumiex hemm biex jillimitaw l-ambitu u l-varjetà ta’ dawn l-irwoli. Irridu li l-artisti tagħna jkunu kapaċi f’diversi oqsma u jkollhom il-ħila li jieħdu ħsieb biċċiet tax-xogħol differenti fi ħdan il-kumpanija.
M4: Kemm hu twil il-kuntratt tal-membri tat-truppa?
Sean: L-ewwel kuntratt huwa ta’ 12-il xahar, li jibda f’Settembru 2024. Qabel il-bidu uffiċjali, se jkun hemm riċerka u żvilupp (R&D) u perjodu ta’ provi fis-sajf biex kulħadd jilħaq jidra u jħejji ruħu għas-sena li tkun ġejja. Jaf ikun hemm opportunitajiet ta’ tul medju jew aktar wara li jintemm dan il-kuntratt.
M5: X’inhuma s-sigħat tax-xogħol u r-remunerazzjoni?
Sean: Il-membri huma mistennija li jaħdmu medja ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa b’sigħat flessibbli u xogħol remot. Is-salarju annwali hu ta’ €25,000 gross, plus VAT. Dan l-impenn se jkun qed jiżgura li l-artisti tagħna jidħlu b’ruħhom u ġisimhom kemm fl-irwoli kreattivi u anke f’dawk tal-operat. Il-pagamenti se jkunu regolari, fix-xahar u mhux ibbażati skont il-kalendarju tal-produzzjonijiet.
Rigward il-flessibiltà, jaf wieħed ikollu jaħdem iktar waqt il-ġimgħa tal-produzzjoni u inqas waqt ġimgħat oħra fejn tkun qed tagħmel affarijiet oħra. Jaf wieħed jiġi mitlub isiefer fuq xogħol, b’hekk f’dik il-ġimgħa l-flessibbiltà tkun ferm inqas. Mill-banda l-oħra, imbagħad wieħed ikun iktar flessibbli f’ġimgħa oħra. Dan kollu jiddependi mill-irwol, u se jkun hemm skedar bil-quddiem biex b’hekk wieħed ikun jista’ jippjana impenji oħra.
M6: Min hu l-kandidat ideali għat-Truppa tat-Teatru Ibrida?
Sean: Qed infittxu artisti b’esperjenza vasta fi produzzjonijiet ta’ kwalità. Ħiliet minn kull dixxiplina, bħall-kant, żfin, moviment u ħiliet oħra bħad-daqq tal-istrumenti jew atti taċ-ċirku huma meqjusa bħala vantaġġ. Qed infittxu ħiliet oħra bħall-kitba, ħolqien ta’ kontenut diġitali, kompetenza teknika u ġestjoni ta’ proġetti.
Il-kandidati għandhom ikunu adattabbli, kollaborattivi u ħerqanin għal dan l-irwol ibridu fi ħdan l-organizzazzjoni. Il-profiċjenza fil-Malti u l-Ingliż hija wkoll essenzjali, idealment kemm fil-kitba, fit-taħdit u anke waqt xi rappreżentazzjoni fuq il-palk.
M7: Kif nista’ napplika għal dan ix-xogħol fit-truppa?
Sean: Kandidati interessati għandhom jissottomettu l-portafoll artistiku tagħhom, CV/resume, u ittra ta’ akkumpanjament, u filmat qasir ta’ motivazzjoni. Id-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet hija fis-17 ta’ Ġunju 2024, f’nofsinhar. Il-kandidati magħżula se jkunu avżati u se jingħataw id-dettalji għall-proċess tal-intervista u l-awdizzjoni, li se jsiru fl-aħħar ta’ Ġunju. Il-pakkett tal-awdizzjoni se jiffoka fuq il-portafoll tal-artist, qsim artistiku liberu magħżul mill-artist stess u intervista.
M8: Jista’ jkolli xogħol ieħor fl-isfera kreattiva waqt li nkun parti mit-truppa?
Sean: Iva, ġaladarba, dan ma jaħbatx mal-impenji li jkunu diġà miftehma minn qabel ma’ Teatru Malta. Kif għidt, se nkunu qed naħdmu biex narmonizzaw l-iskeda tiegħek mal-ħtiġijiet tal-ensemble, waqt li naraw li int tkun tista’ taħdem f’xogħlijiet oħra fl-isfera kreattiva mingħajr ma tikkomprometti l-irwol tiegħek magħna.
M9: X’tip ta’ biċċiet ta’ xogħol ieħor jaf ikollhom jagħmlu l-membri tat-truppa?
Sean: Apparti l-produzzjonijiet fuq il-palk, il-membri għandhom jindagaw fil-kitba tal-iskript, ħolqien tal-kontenut, immaniġġjar tal-mezzi soċjali, fotografija, vidjografija, traduzzjoni u iktar. It-tqassim ta’ dawn ix-xogħlijiet se jkunu diskussi mad-direttur artistiku u maħduma skont il-ħiliet u l-interessi ta’ kull membru.
M10: X’inhi l-viżjoni wara din l-inizjattiva?
Sean: Il-viżjoni hija li noħolqu ekosistema sostenibbli u dinamika għall-ħolqien ta’ xogħol teatrali fi ħdan Teatru Malta. Billi nwaħħdu l-prestazzjoni ma’ għadd ta’ rwoli kreattivi oħra, naħdmu biex inrawmu ambjent vibranti, inklusiv u innovattiv li minnu jiggwadanjaw kemm l-artisti tagħna u anke l-komunità fuq firxa usa’. Din l-inizjattiva ma ttejjibx biss il-pajsaġġ artistiku Malti imma toħloq ukoll livell ġdid għall-industrija tal—arti performattiva lokali u internazzjonali.
M11: Kif tallinja mal-prattiċi internazzjonali din l-inizjattiva?
Sean: Żviluppajna dan il-kunċett f’konsultazzjoni ma’ esperti internazzjonali u rajna li dan kollu jaqbel mal-prattiċi osservati f’pajjiżi żgħar oħra Ewropej, u żviluppajnieh skont il-ħtiġijiet tagħna. Il-kollaborazzjoni tagħna mal-European Theatre Convention (ETC) tiżgura li nilħqu livell għoli kemm artistikament u anke fl-operat, biex dan kollu jpoġġi lil Teatru Malta bħala parti mix-xenarju teatrali Ewropew.
M12: X’nagħmel jekk għandi iktar mistoqsijiet jew għandi bżonn iktar informazzjoni?
Sean: Tiddejjaq xejn tkellimna fuq Teatru Malta. Tista’ tibgħatilna email, tissieħeb fil-lista tal-emails tagħna, jew issegwina fuq il-mezzi soċjali biex tibqa’ aġġornat dwar dan u dwar inizjattivi eċitanti oħra. Aħna dejjem hawn biex nipprovdu iktar informazzjoni u noffru l-appoġġ tagħna matul il-proċess tal-applikazzjoni.
Ibqgħu segwuna u ngħaqdu magħna fil-ħolqien ta’ futur vibranti għall-arti performattiva mat-truppa tat-teatru ibrida ta’ Teatru Malta! – Agħfsu hawn biex tapplikaw.
Nittama li dawn l-FAQs jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa fuq it-Truppa Teatrali Ibrida. Ninsabu ħerqana biex nirċievu l-applikazzjonijiet tagħkom u nilqgħu magħna membri ġodda fit-tim innovattiv tagħna. Applikaw hawn.