11 . 03 . 19

Min kienet Pope Joan?

Illum Teatru Malta jiddiskuti l-eżistenza tal-Papessa Ġovanna, mara li skont leġġenda popolari, irrenjat bħala Papa għal xi sentejn fil-Medju Evu. L-istorja tagħha l-ewwel dehret fi kroniċi tas-seklu 13 u mbagħad infirxet madwar l-Ewropa. Għal bosta sekli l-istorja tagħha kienet titqies bħala verità, iżda ħafna studjużi moderni issa jqisuha bħala storja fittizja. Il-leġġenda kienet ġeneralment aċċettata bħala verità sas-seklu 16, meta mbagħad dibattitu mifrux fost il-kittieba Kattoliċi u Protestanti kkontesta l-istorja. Diversi kittieba nnutaw li d-distakk twil bejn meta suppost għexet Joan u meta fil-fatt issemmiet għall-ewwel darba fil-kitbiet, ma kienx plawżibbli. Fl-aħħar mill-aħħar dan wassal biex juri li l-istorja ta’ din il-Papa mara kienet impossibbli mill-bidu sat-tmiem.

Jiem bħal “Jum il-Mara” iservu biss biex jieħdu n-nisa lura għal dawk iż-żminijiet meta Joan kellha taħbi l-identità tagħha billi tippretendi li hi raġel biex takkwista l-edukazzjoni li kienet imċaħħda inġustament fi tfulitha; żminijiet meta n-nisa ġew eżaminati u kkastigati talli ażżardaw jippruvaw ikunu aktar minn dak li kienu permessi. Jiem bħal dawn jittrattaw lin-nisa bħala minoranza, jew pjuttost bħala minoranza biżżejjed biex iġiegħlu lin-nies jaħsbu li post fuq FB f’Jum il-Mara jista’ jkun biżżejjed biex jinkludi l-ġid kollu li jagħmlu n-nisa u dak kollu li kisbu. In-nisa huma ħafna iżjed minn kemm jista’ jirrappreżenta jum waħdieni.

Kien allegat li l-Papessa Ġovanna kienet l-unika mara li qatt saret Papa, issa l-verità tagħha waqfet teżisti. L-istorja għattiet il-ħajja ta’ din il-mara taħt velu li seraq il-verità distintiva tagħha, u minflok ma ngħatat kapitolu fi ktieb tal-istorja, ħajjitha xxejnet għal eżistenza fittizja li ġeneralment hija aċċettata biss bħala leġġenda li tibqa’ l-aktar influwenti fl-arti, id-drama, u l-films. F’Lulju li ġej, Teatru Malta bi sħab ma’ Festivals Malta, id-Direttorat għar-Restawr tal-Proġetti ta’ Rijabilitazzjoni (RPO) u l-Istitut Goethe se jiċċelebraw il-ħajja ta’ din il-mara u jgħidu l-istorja tagħha bħala parti mill-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta. Id-dramm Pope Joan ta’ Donna W. Cross se jitella’ fil-Foss tal-Imdina. Se tidderieġi Irene Christ, filwaqt li Maria Buckle se jkollha r-rwol ta’ Joan. Għandek issib il-lista sħiħa tal-kast, li jinkludi ismijiet bħal Antonella Axisa, Chris Galea, Mikhail Basmadjian, Stephen Mintoff u Joseph Depasquale, hawn.