Meta l-kliem isiru vettura għal dak li mhux faċilment viżibbli
Iltqajna ftit mal-protagonisti tal-proġett tagħna Young Europe, il-mentor Ruth Borg u l-kokittieba Alex Weenink u Kurt Gabriel Meli biex nieħdu idea aħjar tal-esperjenza tagħhom fi Praga u fejn għandhom il-ħsieb li jieħdu dan il-proġett qabel ma jipproduċuh fl-2024.
Flimkien ma’ Young Europe, intrapriża eċċitanti oħra, l-ETC għandhom l-għan li jesponu l-vuċijiet mhux dominanti fis-soċjetajiet tagħna u li jagħtu vuċi lill-istejjer li għadhom ma ntqalux. Dawn l-istejjer speċifiċi se jingħadu billi jiġu enfasizzati r-reċti “minsija” u bil-kitba ta’ reċti ġodda li jittellgħu fil-klassijiet: fejn drammaturgi emerġenti minn gruppi minoritarji tat-teatru oriġinali Ewropew, minn xi 8 pajjiżi differenti se jiktbu 8 reċti ġodda għal udjenzi żgħażagħ, bejn l-etajiet ta’ 12 u 25 sena wara li kull reċta tittella’ minn wieħed mit-teatri membri fil-klassijiet.
Ara ftit x’kellhom x’jgħidu Ruth, Alex u Kurt:
Ruth Borg – Mentor
”Li ħadt ħsieb dan il-proġett bħala mentor għalija reġa’ kien pass lejn it-teatru testwali, li għall-aħħar qishom ħames snin kien imwarrab f’ħajti.
Ix-xewqa tiegħi li norħoġ minn dik id-dinja għal xi żmien ġiet minn sensazzjoni klawstrofobika li l-kelma miktuba fil-kreazzjonijiet teatrali kultant hija pprijoritizzata wisq fil-fehma tiegħi.
Dan il-proġett isseduċieni biex nidħol għalih u biex nifflertja mal-kliem u t-test mill-ġdid minħabba t-tema: l-ilħna mhux dominanti.
Kienet xi ħaġa sabiħa li niftakar li l-kliem jistgħu jkunu vettura li biha nsibu isem għal dak li ma jidhirx faċilment jew dak li ma jkunx faċilment viżibbli.
Billi nippersistu biex nagħtu isem lil xi ħaġa li mhijiex suġġett ta’ konverżazzjoni faċli aħna ntuha post fil-kuxjenza tagħna.
Jiena grat ferm li qed naħdem ma’ Kurt u Alex li għandhom passjoni għall-kliem u li jistgħu jagħmlu dan b’mod eċċezzjonali.
Waqt il-vjaġġ tagħna fi Praga, kienet xi ħaġa ta’ ispirazzjoni li nkun magħhom matul is-sigħat tal-workshop kif ukoll fil-ħin rikreattiv.
Alex għandu iktar tendenza li jesprimi ruħu bl-Ingliż u Kurt iktar bil-Malti għalkemm it-tnejn li huma jużaw, bħalma nagħmlu ħafna minna, iż-żewġ lingwi fl-istess ħin!
Meta tarahom jiddiskutu b’mod feroċi dwar il-lingwa Maltija u dik Ingliża jitqanqlu diversi emozzjonijiet f’dak li jkun u tkun spiss sitwazzjoni tad-daħq.
Hemm xewqa enormi li dawn iż-żewġ lingwi ma jibqgħux ikunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin u li n-nies jieqfu jitmejlu b’dak li jkun sempliċiment minħabba li jkun jippreferi jesprimi ruħu b’lingwa waħda minflok bl-oħra.
Huma jiċċelebraw il-fatt li t-tnejn jistgħu jkunu sbieħ b’mod indaqs.
Tieħu gost tarahom jitkellmu dwar dan.
Lura għall-workshops fi Praga, spiss konna niġu mfakkra dwar it-tema tal-ilħna mhux dominanti fis-soċjetà tagħna.
Kienet xi ħaġa sabiħa li konna hemm, niltaqgħu ma’ nies minn pajjiżi oħra u nisimgħu l-fehmiet u l-perspettivi tagħhom.
Ma stajtx ma nistaqsix lill-grupp, f’mument minnhom, biex jirrifletti fuq il-mistoqsija: kif spiċċajna hawnhekk, f’din il-kamra?
Kollha konna nies pjuttost privileġġati u jidhirli li ħafna minna, sa ċertu punt, kellna leħen dominanti.
Bdejt naħseb dwar kif stajna niddisinjaw sejħiet, stediniet u punti ta’ dħul li jistgħu jippenetraw iċ-ċrieki tas-soltu ta’ nies li jispiċċaw jagħmlu dax-xogħol.
B’dan f’moħħi, ħerqan ħafna, flimkien ma’ Kurt u Alex, li naraw kif nistgħu noħolqu proċess li jippermettilna nisimgħu, onestament, lill-ilħna mhux dominanti li se nagħżlu li nisimgħu. Diġà qed naħdmu fuqha din, u noħorġu bl-ideat!
Ninsab kurjuż fejn se jasal dan kollu fl-aħħar u tant grat li jiena parti minn grupp ħelu.”
Kurt Meli – Ko-Kittieb
‘’Bħala drammaturgu, ir-rwol tiegħi fʼYoung Europe IV huwa li niżviluppa reċta taʼ klassi flimkien maʼ Alex Weenink taħt il-mentoraġġ taʼ Ruth Borg u Dounia Mahammed. Sa ma naslu għall-workshop tagħna fi Praga, jien u Alex lestejna ruħna billi ġbarna moodboards viżivi, poeżiji u kanzunetti, u ktibna tliet ittri li jiffokaw fuq id-dispjaċir, il-kuraġġ u x-xewqa (flimkien mal-workshop fiżiku tagħna stess fʼMalta mmexxi minn Ruth, biex nibdew il-proċess kreattiv). Wara l-workshop fi Praga, filwaqt li nżommu fʼmoħħna l-materjal vast li ħloqna sʼissa, l-approċċ tagħna għall-ġejjieni se jkun wieħed aktar “intuwittiv”. Iktar milli noħolqu karattri u nibbażaw storja madwarhom, minflok aħna se noħolqu kitbiet differenti, ispirati minn mistoqsijiet li nixtiequ nindirizzaw, biex nesperimentaw bʼmaterjal ġdid fʼforom differenti (djalogi, monologi, deskrizzjonijiet, poeżiji, eċċ). Wara dan, il-pjan tagħna huwa li ngħaqqdu l-materjal kollu tagħna flimkien kemm jistaʼ jkun bʼmod koeżiv u niksbu strutturi taʼ prestazzjoni potenzjali u mezzi taʼ narrattiva. Peress li din se tkun l-ewwel darba li qed nesperimenta bʼdan l-approċċ taʼ drammaturġija, jien fuq ninsab fuq ix-xwiek biex nara fejn se jeħodni dan il-vjaġġ, u xʼkontenut se jirnexxilna noħolqu!’’
Alex Weenink – Ko-Kittieb
‘’Issa, l-esperjenza ta’ Young Europe IV għalija kienet stedina għall-iskoperta (mill-ġdid) tal-valuri professjonali, kif ukoll artistiċi tiegħi. Jien skoprejt (mill-ġdid) x’nista’ noffri bħala xi ħadd li joħloq xogħol teatrali, f’liema forom u stili tista’ teżisti l-arti tiegħi, u kif nista’ napplika proċessi artistiċi differenti u mhux mistennija. Kienet opportunità biex naqta’ l-użanzi tiegħi. Barra minn hekk, kienet opportunità eċitanti biex ninvestiga u nwessa’ l-kollaborazzjoni tiegħi ma’ Kurt. It-tnejn li aħna nikkunsidraw lilna nfusna bħala kittieba, iżda x’jiġri meta nisfidaw in-nozzjoni tradizzjonali ta’ drammaturġija solitarja? X’inhuma l-linji bejn il-kittieb u d-drammaturgu, il-kelliem espert u l-movimentatur, l-editur u l-attur? Kif ninnavigaw bejniethom kollha? Kollha jeżistu? Għal darba oħra, dan il-proġett stedinna nisfidaw il-metodi u l-affinitajiet stabbiliti tagħna, u l-arti tagħna saret aktar rikka. Ruth, l-għalliema tagħna f’tifsiriet differenti tal-kelma, kienet ċentrali għar-rikkezza ġdida li sibna; mexxiet lilna u lill-proċess tagħna b’ġentilezza u sensittività. Il-ġimgħa tagħna ġewwa Praga mal-European Theatre Convention, ukoll, offrietilna l-għodod, il-perspettivi, l-ispazju, il-ħin, u l-ambjent biex niffokaw b’mod intensiv fuq dan il-proġett u dan il-proġett biss (tip ta’ lussu li huwa rari ħafna llum il-ġurnata). Kienet ġimgħa mimlija b’workshops u seminars ta’ valur kbir, konverżazzjonijiet u diskussjonijiet interessanti ħafna ma’ artisti mill-Ewropa kollha, prestazzjonijiet u veduti panoramiċi li jispirawk, u l-kundizzjoni mentali t-tajba biex tassorbi dan kollu sabiex tħeġġiġna nagħmlu r-reċta li qed infasslu.’’
Il-ħidma ta’ Teatru Malta fuq dan il-proġett tal-klassijiet bdiet din ir-Rebbiegħa, fejn ġew organizzati laqgħat bejn il-mentor, Ruth Borg, u l-mentees u kittieba, Alex Weenink u Kurt Gabriel Meli, biex jibdew jiżviluppaw ix-xogħol inkwistjoni bl-intenzjoni tal-imsieħba kollha mill-kumpaniji kollha tat-teatru parteċipanti li jerġgħu jingħaqdu flimkien matul dan il-festival konġunt fl-2024.
Għal aktar informazzjoni dwar Young Europe jekk jogħġbok segwi dawn il-paġni biex iżżomm ruħek aġġornat mal-aħħar aġġornamenti kollha dwar xi jkunu qed jagħmlu Ruth, Alex u Kurt.
Jan Hromádko