‘LI KIEKU KIEKU’ – IT-TNEDIJA TAL-PROGRAMM ĦARIFA/XITWA ’23-’24 MINN OPOLE, IL-POLONJA
Teatru Malta, il-kumpanija teatrali nazzjonali ta’ Malta, għadha kif żvelat il-programm tal-istaġun tal-Ħarifa/Xitwa 2023-2024. Għall-ewwel darba, il-kumpanija uffiċjalment nediet il-viżjoni artistika tagħha minn Opole, il-Polonja, waqt li kienet hemm għall-premiere tal-ewwel koproduzzjoni teatrali internazzjonali ta’ Malta, “The Best European Show.”
It-tnedija tal-programm saret il-Ġimgħa 13 ta’ Ottubru fit-teatru Jan Kochanowskiego f’Opole, immexxija mid-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta Sean Buhagiar, taħt il-kappa tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva (NAPA) irrappreżentata miċ-Chairperson Alison White u l-Kap Eżekuttiv Dominic Galea.
It-tema tal-programm ta’ dan l-istaġun “Li Kieku Kieku”, bl-Ingliż “What If?”, tistieden lill-udjenza taħseb f’possibbiltajiet ġodda, tisfida dak li mdorrijin bih u trawwem spirtu kreattiv. Teatru Malta minn dejjem xprunat esperjenzi innovattivi fejn jidħol it-teatru, u din is-sena mhux b’inqas.
Sean Buhagiar wera l-ħeġġa li għandha l-kumpanija lejn dak li se joffri l-futur. “Xi drabi, l-arti tinbet mix-xejn, u ‘Li Kieku Kieku?’ hija l-mistoqsija li tiftaħ tieqa għal kreattività bla tarf. Ninsabu ħerqana biex inniedu l-programm tagħna f’Opole, il-Polonja, hekk kif nerħulha għal dan il-vjaġġ ta’ koproduzzjoni internazzjonali notevoli.”
Filwaqt li ssoltu l-programm dejjem ġie mniedi lokalment, it-tnedija f’Opole tibqa’ mfakkra kemm għat-tragward sinifikanti fl-istorja ta’ Teatru Malta, kif ukoll għall-fatt li l-kumpanija nediet ukoll Hybrid Ensemble ġdid, l-ewwel Ensemble għal Malta. Il-proġetti li hemm imħejjija għall-istaġun li ġej huma xhieda tal-impenn li din il-kumpanija teatrali qed turi sabiex tegħleb il-fruntieri u timraħ lejn orizzonti ġodda.
Il-programm tal-Ħarifa/Xitwa 2023-2024 jinkludi:
- Hybrid Ensemble: Il-pjan innovattiv li Teatru Malta toħloq ensemble versatili kien ispirat minn esperti internazzjonali bħal Marko Bratus u Haris Pasovic. L-għan huwa li permezz t’hekk tintlaħaq il-milja tat-talent u l-ħiliet li kull attur jista’ joffri. Il-kumpanija qed tfittex biex timpjega erba’ atturi full-time.
- Ġamborì: Dan il-proġett għadu fi stadju bikri imma huwa festival li jippromwovi l-anzjanità attiva u se jkun imniedi fit-Teatru ta’ San Vincenz de Paul, bi pjanijiet li jiġi żviluppat maż-żmien.
- The Best European Show: L-ewwel koproduzzjoni landmark f’Malta flimkien ma’ erbgħa Teatri Nazzjonali Ewropej oħra, li se tittella’ fit-Teatru Manoel fi Frar.
- Niffukaw fuq l-Edukazzjoni: Xahar iddedikat lill-edukazzjoni, bil-parteċipazzjoni tar-riżultat ta’ Young Europe IV, “GUTZ” – li se tkun l-ewwel biċċa xogħol ta’ Teatru Malta li se tiġi mtellgħa fil-klassijiet tal-postsekondarja.
- Trikki Trakki: Taħt id-direzzjoni tad-Direttriċi Artistika ġdida, Rebecca ‘Becky’ Camilleri, din l-inizjattiva tant maħbuba se tkompli tikber.
- Żvilupp ta’ Kumpaniji Assoċjati: Kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti biex jappoġġja kumpaniji assoċjati biex jesploraw, jaħdmu u jikkollaboraw fi produzzjonijiet u inizjattivi li jisfidaw il-possibbli u jittantaw l-impossibbli.
- Koproduzzjonijiet Ewropej: Impenn lejn iktar koproduzzjonijiet Ewropej, fosthom applikazzjoni għal Creative Europe għal Drama of Small European Languages u programm li jittraduċi reċti kontemporanji Ewropej għal Malti.
- Promozzjoni għal Titjib fil-Kritika Artistika: Ħidma ta’ Teatru Malta biex trawwem kultura ta’ apprezzament kritiku lejn l-arti.
Teatru Malta dejjem evolviet maż-żminijiet, u l-programm ta’ dan l-istaġun huwa eżempju tad-dedikazzjoni li għandha l-kumpanija biex dejjem tħaddan il-bidla, trawwem il-kreattività u tgħolli l-livell tax-xena teatrali Maltija.