”L-ISTORJA VERA WARA L-MARA BIL-MASKRA”

Wara r-reazzjoni pubblika mingħajr preċedent għal sensiela ta’ dehriet ta’ mara mgħammda li issa qed tissejja ‘Il-Biċċiera tal-Pupi ta’ ‘Ħaż-Żebbuġ’ ‘, Teatru Malta jixtieq tinforma lil kulħadd li din kienet fil-fatt, parti minn serje ta’ wirjiet fit-toroq li kienu ġew imħabbra fil-programm tagħhom għall-2019 f’Jannar li għadda. Dawn il-wirjiet teatrali fit-toroq, li s’issa seħħew f’Ħaż-Żebbuġ, Marsaxlokk, Tas-Sliema u waqt il-festa tar-raħal tal-Gudja, huma parti minn proġett imsejjaħ ”Min Hi?”, Immexxi mill-artist lokali Ruben Zahra u ispirat minn storja qasira miktuba minn missieru, Trevor Zahra.

Haz-Zebbug – Ritratt ta’ Elisa von Brockdorff

L-iskop li dawn il-wirjiet fit-toroq ma ġewx imħabbra s’issa ma kien bl-ebda mod maħsub biex jiġbdu l-attenzjoni għall-pubbliċità. L-intenzjoni kienet purament artistika u waħda direttament relatata mal-istorja qasira miktuba minn Trevor Zahra bit-titlu ”Gerita”; storja mill-ġabra tal-pubblikazzjoni rebbieħa tiegħu “Penumbra” li tiddeskrivi l-istorja ta’ saħħara mhux magħrufa li tivvjaġġa minn raħal għal raħal. Fl-istorja, “Gerita dehret għall-ewwel darba nhar il-festa tar-raħal, tqatta’ l-pupi tal-lastiku b’sikkina tal-qubbajt u tidlikhom bit-tomato ketchup …’’

‘’Meta jien u Ruben konna qed nippjanaw dan ix-xogħol, it-test u d-drama ħdimniehom simultanjament … waħda tikkumpimenta lill-oħra.  Nittamaw li din tkun esperjenza unika ta’ makabrità stilizzata u poetika’’ stqarr il-kittieb Trevor Zahra.

Fil-fatt, il-wirjiet tal-istallazzjonijiet tat-toroq ġew maħsuba għall-udjenzi kollha, minkejja s-suppożizzjoni popolari. Dawn il-wirjiet pop-up, għalkemm huma relatati, bl-ebda mod ma huma marbuta mar-rakkomandazzjoni tal-età ta’ 12+ tal-erba’ spettakli finali, li se jittellgħu fir-Rialto ta’ Bormla. L-istallazzjonijiet tat-toroq se jkomplu għaddejjin sat-12 ta’ Ottubru b’żewġ wirjiet finali li se jsiru t-Tlieta 8 ta’ Ottubru fil-Belt Valletta, quddiem Pjazza Teatru Rjal, u fil-Birgu s-Sibt 12 ta’ Ottubru, waqt l-avveniment tant mistenni Birgu by Candlelight. Dawn l-aħħar żewġ stallazzjonijiet tat-triq kienu dejjem intenzjonati li jkunu l-uniċi żewġ wirjiet imħabbra tal-lott, li jispjega s-silenzju s’issa mill-parti ta’ Teatru Malta. Id-Direttur u l-kompożitur tal-ispettaklu, Ruben Zahra qal li “Demografiji differenti ovvjament se jirreaġixxu b’mod differenti u filwaqt li wħud isibuha diffiċli, oħrajn se jsibuha wkoll tal-waħx u forsi saħansitra kontroversjali” – “dan huwa t-tip ta’ djalogu li t-teatru għandu jqajjem – li tagħti lin-nies suġġett u huma jipproġettaw il-biżgħat u l-aġendi tagħhom stess, hija xi ħaġa interessanti ħafna. Il-wirjiet tat-toroq kienu jkunu tilfu kull ambitu kieku n-nies kienu avżati dwarhom.

Marsaxlokk – Ritratt ta’ Maria Galea

Id-direttur artistiku ta’ Teatru Malta, Sean Buhagiar, stqarr li “Kien interessanti ħafna li tara kif it-teatru tat-triq sar is-suġġett ta’ aħbarijiet foloz fuq il-midja soċjali. L-istorja tat-teatru wriet li t-teatru tat-triq jista’ jkun effettiv ħafna fil-bidu ta’ konversazzjoni umana, huwa prodott regolarment minn kumpaniji tat-teatru madwar id-dinja. … Huwa wkoll preżenti ħafna fit-tradizzjonijiet tagħna, madankollu ġie trattat b’mod differenti minħabba l-biża’ komuni ta’ dak li mhux magħruf. Hija r-responsabbiltà tagħna bħala kumpanija tat-Teatru Nazzjonali li nieħdu r-riskji, u naħdmu biex nagħmlu programm fuq ix-xogħol li jimraħ f’postijiet ġodda”.  Buhagiar jikkonferma wkoll li, “Però, billi nħobbu nieħdu r-riskji ma jfissirx li ma nimxux mar-regoli, u huwa għalhekk li l-awtorizzazzjoni uffiċjali, il-permessi u l-valutazzjonijiet tar-riskju kienu kollha osservati qabel kull wirja fit-triq. Aħna issa nistennew bil-ħerqa l-ispettakli fir-Rialto”.

Għaldaqstant, dan il-proġett, Min Hi?, se jilħaqq il-qofol tiegħu l-Ħamis 31 ta’ Ottubru fil-ġmiel ta’ teatru li għandhom Bormla, ir-Rialto. Din se tkun l-ewwel darba fi kważi seba’ snin li dan iċ-ċinema meraviljuż ta’ stil art-deco faċċata l-baħar, se jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku ġenerali. L-attriċi brava Lee-N Abela se tkun qed twettaq sensiela ta’ rakkonti makabri bil-Malti bbażati fuq varjetà ta’ karattri femminili popolari matul l-istorja. Is-Sopran Nadia Vella se tkun qed tkanta live matul l-ispettaklu. L-udjenzi jistgħu jistennew li jesperjenzaw għadd ta’ xeni affaxxinanti li jiżviluppaw quddiem għajnejhom stess. Dawn jinkludu kaxex tal-mużika, puppazzi, linef, bebbux, pupi u kurżitajiet oħra.

Il-postijiet bilqiegħda huma limitati u l-produzzjoni se tibda tintwera fil-lejla ta’ Halloween biex imbagħad tibqa’ għaddejja sat-3 ta’ Novembru għal 4 iljieli ta’ tkexkix biss. Biex tibbukkja l-biljetti tiegħek għal Min Hi? żur kultura.mt jew inkella tista’ żżur ukoll teatrumalta.org.mt għal aktar tagħrif idħlu hawn.