L-Avviżi – Settembru 2021

Hekk kif toqrob il-ħarifa, ix-xogħol fuq il-programm il-ġdid tagħna qed ikompli jintensifika bl-għan li nippreżentaw l-ewwel produzzjoni tagħna fi żmien biss ftit ġimgħat. Ma kontux tafu biha din? Fil-fatt ġdida din l-aħbar. Għalissa, se jkollkom tintefgħu bilqiegħda taraw l-filmati tal-provi mill-ispettakli l-oħra tagħna fuq il-midja soċjali tagħna, hekk kif aħna se nkomplu nurukom xi xeni speċjali minn wara l-kwinti ta’ The Manwel Dimech Project, Nouveau Riche u Il-Qtates ta’ max-Xatt.

Il-Klassi tas-Surmast ukoll se tirritorna f’Settembru, hekk kif Cheek by Jowl… kważi waslu, lesti biex jaqsmu l-workshop intensiv magħna u mal-parteċipanti tagħhom fi żmien biss ftit gimgħat! Biex inkunu għidna kollox, l-kontenut ta’ dan il-workshop huwa ftit sigriet u għaldaqstant ma tantx nistgħu ngħidulkom x’se jiġri eżattament. Imma żommu ruħkom aġġornati billi ssegwuna fuq il-midja soċjali tagħna biex taraw il-kontenut li se nkunu nistgħu naqsmu magħkom.

Proverbjalment, huwa wkoll żmien li fih naqilbu folja ġdida u mhux biss għax il-ħarifa qed toqrob. Għadna kemm nedejna sejħa għall-espressjoni ta’ interess għal Uffiċjal Amministrattiv fuq bażi full-time għat-tliet snin li ġejjin. Jekk għandek xeħta għax-xogħol amministrattiv u int entużjast tat-teatru u tax-xogħol kollu li nagħmlu aħna ta’ Teatru Malta, allura kun żgur li tapplika sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Settembru. Jekk tħoss li minitx ezattament maqtugħ għal xogħol fl-amministrazzjoni, allura għandek tkun taf li qed infittxu wkoll maniġers tal-produzzjoni peress li ser ikollna bżonn numru minnhom matul ix-xhur li ġejjin. Jekk int interessat għidilna dwarek u ibgħatilna ittra u CV billi tibgħat email fuq contact@teatrumalta.org.mt jew messaġġ privat fuq Facebook.

Teatru Redifjuxin se jirritorna ukoll b’episodju ġdid fjamant fl-aħħar ta’ Settembru. Min se jkun ir-raba’ mistieden tagħna hija xi ħaġa li qed inżommu mistura għalissa; madankollu, nistgħu ngħidulkom li din il-persuna se tkun parti integrali minn wieħed mill-aħħar proġetti tagħna li semmejtilkom ix-xahar li għadda: Kazin Sittin+. Din is-sejħa għall-parteċipanti hija maħsuba għal adulti anzjani li huma interessati li jitgħallmu aktar dwar it-teatru. Dan il-proġett se jkun divertenti u mimli logħob teatrali, improviżazzjonijiet, moviment u kant, u dan kollhu se jseħħ fi spazju kreattiv li jinqasam u jitgawda bejn persuni tal-istess fehma li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja. Dan huwa l-mod perfett biex tagħmel ħbieb ġodda u, kif tkun fiha, titgħallem ħiliet ġodda fit-teatru! Jekk int interessat li tifforma parti minn din il-komunità, allura ħu nota għax se nkunu qed noħorġu din is-sejħa din il-ġimgħa d-dieħla fit-8 ta’ Settembru!