L-Avvizi – Newsletter #3

Wasal Ottubru u miegħu waslet ukoll il-Ħarifa, iż-żmien meta bħas-siġar inwaqqgħu l-weraq il- qadim biex nagħmlu wisgħa għall-ġdid. Hekk qed  nippruvaw nagħmlu dan ix-xahar bil-produzzjonijiet tagħna. Alice fl-Art bla Meravilji ta’ Franca Rame u Dario Fo, il-koproduzzjoni tagħna mal-Festival ŻiguŻajg, li issa daħlet fit-tielet fażi tagħha. Normalment bħalissa nkunu lesti biex nibdew il-provi għal spettaklu bħal dan imma minflok ninsabu okkupati li nagħlqu r-reġistrazzjonijiet u ngħaqqdu l-pupi tal-plastik għal dik li qed insejħu l-ewwel produzzjoni teatrali DIY tagħna. Din hi xi ħaġa ġdida għalina, mod ġdid kif inħarsu lejn it-teatru, iżda l-iskop warajha huwa li nwasslu l-maġija tat-teatru direttament lill-udjenzi tagħna u nħalluhom “jagħmluh huma stess” minflok ma nagħmluhulhom aħna. Aktar dwar dan f’Novembru waqt il-festival ta’ ŻiguŻajg …

Ġulbiena, il-Pantomima fid-Dlam f’forma ta’ Radjudramm miexja ġmielha wkoll, u bħal ma għamilna b’Alice fl-Art bla Meravilji  hawnhekk ukoll għażilna li nesploraw mezz komunikattiv li nafu li mhux se jkun affettwat mill-pandemija li għaddejjin minnha f’dawn iż-żminijiet. Allura bis-saħħa tal-Covid-19 din is-sena lkoll tistgħu tgawdu t-tielet edizzjoni tal-Panto fid-Dlam tagħna fuq ir-radju fl-20 ta’ Diċembru. Fejn u kif għandkom issiru tafu dalwaqt, kull ma nistgħu ngħidulkom għalissa hu li kien hemm xi tibdil żgħir fil-kast u li l-provi sejrin tajjeb. Din se tkun verament xi ħaġa tajba fid-dlam għal dawk kollha li jħobbu jnaqqru tard bil-lejl.

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet tal-Maniġer tal-Gwardarobba tagħna għaddiet ukoll dan is-Sajf, u wasslitna biex nagħtu merħba lil membru ġdid fit-tim ta’ Teatru Malta! Dan ifisser li l-Gwardarobba tagħna qed toqrob sew issa biex sa fl-aħħar tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku. Proġett li ħa ’l fuq minn sentejn biex jitlesta, imma l-affarijiet tajbin jieħdu ż-żmien u aħna eċċitati għal dak li ġej.

Dak kollox min-naħa tagħna għalissa, imma ara ma jfettlilkomx tillargaw ’il bogħod wisq tafx! Forsi vera li għadna mhux qed nagħmlu t-teatru “live” bħal ma mdorrijin nagħmlu s-soltu, imma nisperaw sewwa li se jkollna s-sena l-2021 kollha biex nagħmlu hekk. Din is-sena nibqgħu sikuri, għalikom u għalina stess permezz ta’ mezzi ġodda u divertenti ta’ produzzjoni teatrali. Inwegħdukom li mhux se tkunu diżappuntati.