L-Avvizi – News Letter #5

Ngħiduha kif inhi, din is-sena kienet waħda interessanti, però għandna seba’ mitt sena sa ma nerġgħu nibdew nagħmlu dak li nħobbu l-iktar – l-ipprogrammar tat-teatru għalikom ilkoll!

Mhux sigriet li l-panto tagħna ħadet żvolta differenti din is-sena u li issa se taslilkom permezz tar-radju. Hekk hu, tinsiex tixgħel XFM, 103 Heart, Calypso jew Magic Malta fl-20 ta’ Diċembru fit-8pm biex tisma’ l-atturi favoriti tiegħek jirreċtaw għalik fuq ir-radju. Iżda aktar aħjar minn hekk huwa l-fatt li Ġulbiena – Panto fid-Dlam se ssir b’risq il-Malta Community Chest Fund, għax x’jista’ jkun aħjar milli tagħti lil dawk li l-aktar għandhom bżonn fi żmien il-Milied?

Samuel Farrugia, Davinia Hamilton, Anton Saliba u Chucky Bartolo ilhom ix-xhur għaddejjin bil-provi ta’ dan l-iskritt verament umoristiku, u bħalissa qed iżommu dak ir-ritmu kreattiv tal-panto għaddej fuq Zoom b’antiċipazzjoni tal-lejl il-kbir fl-20 tax-xahar. Għandna wkoll għadd ta’ affarijiet sbieħ imħejjijin għalik qabel dik id-data, mela ibqa’ sintonizzat għal ritorn speċjali minn Frans il-Ħamallu u dehriet ​​minn uċuħ familjari fuq il-midja soċjali tagħna matul Diċembru kollu.

X’hemm iżjed? Dan huwa l-istaġun tal-ferħ allura l-aħjar ħaġa li tista’ tagħmel hi li tqatta’ kull nhar ta’ Ħamis ma’ Vikesh, Marta u Chucky hekk kif jieħdu f’idejhom il-midja soċjali tagħna fil-mixja lejn Ġulbiena, u nibdew nhar il-Ħamis stess bil-kittieba u diretturi Vikesh Godhwani u Marta Vella li se jieħdu t-tmun f’idejhom minn Londra.

Bit-tħejjijiet għall-panto għaddejjin sew, nixtiequ wkoll nieħdu minuta biex nirringrazzjaw lil kulħadd għar-rispons li rċevejna dwar Alice fl-Art bla Meravilji. Il-wirjiet pubbliċi tagħna b’kollaborazzjoni ma’ ŻiguŻajg għalqu lbieraħ, u marru tajjeb ferm, u fil-fatt ma nistgħux inkunu iżjed kuntenti milli aħna. Il-proġett ma jiqafx hemm madankollu. Il-pupi għadhom disponibbli għall-edukaturi biex jordnawhom għal dawk kollha interessati f’dan it-Teatru DIY.

Qabel ma nħallukom nixtiequ nirringrazzjawkom talli bqajtu magħha din is-sena, nafu li ma kinitx faċli imma aħna nwiegħdu li se npattu għall-“assenza” tagħna fl-2021. Ħassejna n-nuqqas tiegħek u nisperaw int wkoll ħassejt in-nuqqas tagħna. Il-Milied it-Tajjeb u Sena l-Ġdida t-Tajba u mimlija Saħħa mingħandna lkoll ta’ Teatru Malta.