15 . 01 . 21

L-AVVIŻI – Jannar 2021

Is-sena l-ġdida waslet u ġabet magħha bidu ġdid u frisk fil-pjanijiet tagħna hawn f’Teatru Malta. L-ewwel biċċa xogħol għall-2021 kienet it-twaqqif tal-programm ta’ Artisti Assoċjati li nedejna fl-ewwel jum tas-sena b’sitt uċuħ familjari u stabbiliti li jaħdmu kemm lokalment kif ukoll barra. Simone Spiteri, Paul Portelli, Lee-N Abela, Marta Vella, Jimmy Grima, u Simon Bartolo se jkunu qed jaħdmu mill-qrib magħna, jesploraw possibiltajiet varji u kollaborazzjonijiet ġodda filwaqt li l-programm ta’ avvenimenti tagħna għall-2021 ikompli jiżvolġi. ARAWHOM jixtiqulkom ilkoll is-sena t-tajba u jiddiskrivu l-ħsibijiet tagħhom dwar il-fatt li saru artisti assoċjati billi tikklikkjaw hawn …

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għar-raba’ edizzjoni tagħna tal-Festival tat-Teatru taż-Żgħażagħ Trikki Trakki ġiet estiża b’ġimgħa u issa tagħlaq din il-Ġimgħa 15 ta’ Jannar! Minħabba l-interess qawwi u meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi prekarji li l-edukaturi, il-ġenituri u l-istudenti tagħna sabu ruħhom fihom matul il-jiem li għaddew ħsibna li l-aħjar li nagħtu ftit aktar ħin lit-tfal biex jiġu ftit f’tagħhom wara l-perjodu tal-Milied u japplikaw. Jekk qed taqra dan u taf b’xi tfal li jkunu perfettament tajbin għall-festival allura qis li tgħidilhom biex japplikaw. Il-proċess huwa ħafif u sempliċi, kemm issegwi din il-link u timxi mal-istruzzjonijiet. Il-festival ta’ din is-sena, li tmexxi d-Direttriċi tal-Festival Antonella Axisa se jkun qed isir online biex nieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ kulħadd, bit-teatru kkurat tas-soltu tagħna li jagħmel il-workshops għat-tfal biex isiru online minflok personalment.

Xi ħaġa oħra li ilna nħejju hija l-skema ta’ sħubija, Atelier Francis Ebejer flimkien mat-Teatru Manoel u Spazju Kreattiv. Is-sessjoni introduttorja qasira għall-Atelier se ssir fuq zoom fil-28 ta’ Jannar. Jekk int interessat li ssir taf aktar, ikklikkja hawn biex tirreġistra l-attendenza tiegħek għas-sessjoni llum.

Qabel ma nħallukom, tinsewx li Ġulbiena: il-Panto fid-dlam bħalissa hija disponibbli fuq SoundCloud fejn se tibqa’ sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Kun żgur li tidħol tismagħha qabel ma jiskadilek iż-żmien!

Narawkom dalwaqt!