02 . 11 . 20

L-Avvizi #4 – November News Letter

Kif jista’ jkun li diġà wasal Novembru?!

Din is-sena surreali fl-aħħar daqt tispiċċa imma qabel ma naslu fl-aħħar tagħha fadlilna nlestu l-pupi għall-aktar proġett reċenti tagħna Alice fl-Art bla Meravilji li ġie mniedi m’ilux bħala parti mill-programm ta’ avvenimenti tal-festival Żigużajg. Huwa proġett ferm differenti mill-avvenimenti kollha li qatt tellajna u fil-verità lanqas biss nistgħu nsejħulu avveniment. Dak li qed noffru lill-udjenzi din is-sena hi esperjenza, esperjenza komunikata permezz ta’ pupa magħmula b’mod kumpless li ġġiblek din il-biċċa xogħol ta’ Teatru DIY speċifika u bid-distanza soċjali.

Jekk int għalliem li attendejt il-laqgħa għall-iskejjel biż-Zoom ta’ ŻiguŻajg il-ġimgħa li għaddiet,  probabbilment taf li għandna biss 40 pupa xi nqassmu. Jiġifieri 20 pupa programmati bil-Malti u 20 oħra programmati bl-Ingliż għax dan huwa tabilħaqq proġett bilingwi. Kull pupa tiġi b’sett ta’ struzzjonijiet li jgħinuk kif tuża l-pupa, il-kards jew leħħiet, u l-USB tal-fenek provduti fil-kaxxa maħduma bir-reqqa ta’ Alice. Kollox jinftiehem bla problemi meta jkollok il-pupa, trid biss qabelxejn tordnaha biex tkun tista’ tilgħab magħna.

Nixtiequ nfakkru wkoll lil kull min qed jaqra li Alice fl-Art bla Meravilji hija tajba biss għal adolexxenti minn 14-il sena ’l fuq peress li s-suġġett diskuss huwa adult aktar milli jidher. Allura sakemm int qed tħaffef biex tilħaq waħda mill-pupi f’edizzjoni limitata ta’ Alice (li mbagħad se tibqa’ proprjetà tal-iskola tiegħek għal dejjem), aħna ninsabu okkupati naħdmu fuq l-irfinar ta’ Alice. Xagħarha qed jiġi ssettjat minn Michael and Guy dal-ħin stess, u meta ngħidu li qed jiġi ssettjat, infissru li qed isiru 40 parrokka ċkejkna biex jeħlu ma’ 40 qurriegħa miżbugħa friska! Il-ħwejjeġ ta’ Alice wkoll qed jitfasslu u jitħietu bħalissa, mill-koordinatriċi tal-kostumi residenti ta’ Teatru Malta, Sarah Grech il-persuna responsabbli li tagħmel kull waħda mill-ilbiesi ta’ Alice tagħna.

Fil-qosor, il-ħajja tal-plastik hija iktar ikkumplikata milli ħsibna! Mela jekk int interessat li toffri lill-istudenti tiegħek xi ħaġa iktar minn online streaming, u trid lezzjoni teatrali divertenti dwar il-konsumiżmu, il-femminiżmu u l-ambjenti soċjali mela tħarisx lil hinn minn Alice fl-Art bla Meravili, proġett ta’ Teatru DIY li adattajna mill-kitba oriġinali ta’ Franca Rame u Dario Fo. Il-proġett fih mużika oriġinali ta’ Alexandra Alden u t-talent vokali tal-attriċi Mariele Zammit.

U qabel ma ninsew, il-pakketti tar-riżorsi għal Alice fl-Art bla Meravili dalwaqt ikunu disponibbli wkoll, il-konsulent tagħna Lou Ghirlando qed tlestihom qabel ma nibagħtuhom biex jiġu ddisinjati imma mbagħad se ntellgħuhom bla dewmien.

Biex tordna l-pupa tiegħek ikklikkja hawn, imla l-formola pprovduta u stenna għal aktar struzzjonijiet.