07 . 09 . 20

L-Avvizi #2 Newsletter

Meta nħarsu lura naraw li dan kien bla dubju l-iktar Sajf kajman li qatt kellna. Ma kellux ikun hekk, suppost kien mifqugħ bi produzzjonijiet u avvenimenti Sajfin. Konna ilna nħejju xhur sħaħ, iżda dak kollu li ġara ġegħilna wkoll nirrealizzaw kemm huwa importanti li nieqfu għal mument, nagħtu ħarsa madwarna, u nqisu l-passi li jmiss biex inkomplu nimxu ’l quddiem. Dan jinkludi l-konklużjoni tal-pjanijiet tagħna għall-2021 u l-2022, li żgur mhux se jiddiżappuntaw. Biex ma ntawlux, qed nippjanaw li niġu lura bis-saħħa.

Image may contain: 1 person, walking, shoes and outdoor

F’Awwissu li għadda, is-silta teatru pop-up tagħna Xilallu saret mingħajr intoppi, anke bil-miżuri u r-restrizzjonijiet kollha fis-seħħ. L-artisti rnexxielhom jattiraw lil kull min kien għaddej minn Triq ir-Repubblika b’sorpriża u taw spettaklu mill-aqwa. Iżda meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom bħalissa aħna, flimkien mal-kollaboraturi tagħna Studio 18 u l-Aġenzija Żgħażagħ, iddeċidejna li nwaqqfu dan il-proġett divertenti għalissa. Aħjar uff milli aħħ.

Image may contain: one or more people, shoes and outdoor

Nixtiequ nawguraw ukoll lil Colin Willis li għadu kemm għalaq 76 sena fl-4 ta’ Settembru! Matul dawn l-aħħar sentejn kellna pjaċir insiru nafu lil Colin u s-sieħba tiegħu Nanette, u huwa għal din ir-raġuni li qed jiddispjaċina nħabbru li uffiċjalment se jkollna nwaqqfu A Stroke of Bad Luck. Minkejja ħafna sforzi u ostakli tul it-triq, għażilna li nagħtu prijorità lis-saħħa fuq kull ħaġa oħra u li nħallu lil dan l-ispettaklu jistrieħ għalissa.

F’Settembru se nkunu qed niffokaw fuq Alice fl-Art ta’ bla Meravilji, adattament ta Alice nel paese senza Meraviglie ta’ Franca Rame, li qed naħdmu fuqu f’koproduzzjoni mal-Festival ta’ ŻiguŻajg 2020. Jekk int familjari mal-kitbiet u x-xogħol ta’ Dario Fo allura forsi hemm daqsxejn ċans li ma tajtx kas tal-fatt li kien ir-raġel ta’ Rame, mara ta’ talent straodinarju, li mhux biss hija kittieba b’għadd ta’ pubblikazzjonijiet tagħha stess, imma spiss kitbet ukoll xogħol flimkien ma’ żewġha Fo.

Image may contain: 1 person, standing and text

Dan iwassalna għall-qofol tal-ħarġa u r-raġuni għaliex iddedikajna l-proġett taż-żagħżagħ tagħna għal ŻiguŻajg ta’ din is-sena għall-emanċipazzjoni tan-nisa. Se jkollna ħafna “girl power” f’Novembru. B’differenza mis-snin ta’ qabel, il-proġett tagħna għal ŻiguŻajg ta’ din is-sena se jkun teatru DIY, fejn l-istudenti u l-udjenzi jkunu jistgħu joħolqu l-ispettaklu tagħhom stess mill-iskola.

Image may contain: one or more people

Nistħajlukom tistaqsu, “Imma kif?” Mhux se ddumu ma tieħdu risposta. Qed naħdmu sigħat twal biex inlestu fil-waqt l-elementi tradizzjonali kollha li dejjem ikun hemm bżonn għal dramm: ħoss, vuċijiet, transizzjonijiet ta’ skripts, bini ta’ props, u x’naf jien. Il-ġimgħa li għaddiet lestejna s-sessjoni ta’ reġistrazzjoni tagħna mal-brava Mariele Zammit li se tkun il-protagonista tagħna, Alice. L-ispettaklu se jkun imfassal u dirett minn Sean Buhagiar u se jittella’ kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. U jekk qed taħseb li dan se jerġa’ jkun xi online streaming ieħor, sejjer żmerċ għax hemm ħafna iktar milli tista’ timmaġina fil-qiegħ ta’ din il-ħofra tal-fenek 😉

Image may contain: one or more people, people sitting, table and indoor

Imma stenn, dak mhux kollox! Filwaqt li sfortunatament ħafna mill-pantomimi għal Diċembru ta’ din is-sena kellhom jitħassru, aħna se nibqgħu għaddejjin b’tagħna. Biss, din id-darba kun żgur li tilqana f’darek billi tismagħna fuq ir-radju. Marta Vella u Vikesh Godhwani għadhom kemm temmew l-iskript tagħhom għad-dramm tar-radju ta’ Teatru Malta li jmiss: Ġulbiena – A Panto in the Dark. F’koproduzzjoni ma’ Spazju Kreattiv, din hija l-ewwel darba li qatt dħalna fil-qasam tar-radju u ninsabu eċċitati dwar dak kollu li għandna ppjanat għall-ġimgħat li ġejjin.

L-Atelier Francis Ebejer ukoll se jitnieda dalwaqt. L-Atelier huwa dixxendenti dirett tal-predeċessuri tiegħu, il-Progett u mbagħad il-Premju Francis Ebejer. Se jintroduċi artisti assoċjati mat-tim ta’ nies li se jkunu qed jiffurmaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ dawk li jagħmlu t-teatru. Huma se jipprovdu istruzzjoni, mentoring u workshops prodotti b’kollaborazzjoni mat-Teatru Manoel u Spazju Kreattiv. Ma tantx għandna wisq x’ngħidu aktar dwar dan għalissa però tista’ tgawdi l-arti tagħna għal dan il-proġett waqt li tistenna li joħorġu l-applikazzjonijiet.

Narawkom f’Ottubru 🙂 Ritratti: Elisa von Brockdorff