Jittella’ fuq il-palk ‘’The Best European Show’’

Teatru Malta bi pjaċir iħabbar koproduzzjoni teatrali internazzjonali li bħalha qatt ma rajna! ‘’The Best European Show’’ huwa frott ħidma kollaborattiva bejn 5 teatri magħrufa li jiffurmaw parti mill-European Theatre Convention, li mistenni jtella’ spettaklu f’għadd ta’ pajjiżi differenti fosthom f’Malta, fi Frar 2024.  B’perspettivi minn 5 pajjiżi differenti, din il-produzzjoni mistennija twassal għal esplorazzjoni satirika ta’ kif nevalwaw u nħarsu lejn it-teatru Ewropew.

It-teatri parteċpi f’din il-koproduzzjoni, li huma xhieda ta’ kemm hi għanja l-kultura u l-kreattività Ewropea, huma Teatr Kochanowskiego w Opolu tal-Polonja, TeatroDue Parma tal-Italja, SNG Nova Gorica tas-Slovenja, Teatru Malta ta’ Malta, u Teatri Kombëtar i Kosovës tal-Kosovo. Dawn it-teatri ngħaqdu sabiex joħolqu produzzjoni li tifli bir-reqqa l-kritika kumplessa tat-teatru Ewropew. 

Fost l-aktar aspetti meraviljużi ta’ din il-produzzjoni hija d-diversità tal-kast, li huwa magħmul minn atturi bravissimi mill-pajjiżi kollha involuti. Id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta, Sean Buhagiar, li se jieħu l-irwol ta’ Dramaturg, flimkien ma’ Gianni Selvaggi u Philip Leone Ganado, l-atturi magħżula għal Malta, se jibdew dan il-vjaġġ teatrali flimkien ma’ 20 professjonist f’dan il-qasam.  Dan il-grupp internazzjonali jwiegħed għal fuq il-palk,  għadd ta’ perspettivi, li jagħtu dimensjoni aktar rikka lin-narrattiva filwaqt li jidħlu aktar fid-dettall f’dak li għandu x’jaqsam mal-interpretazzjoni tad-dinamika tat-teatru Ewropew. 

L-imħuħ wara din il-produzzjoni internazzjonali ltaqgħu riċentement f’Opole, fil-Polonja, flimkien mal-kast, għal 8 ġimgħat intensivi ta’ provi, liema provi se jagħtu l-frott tagħhom f’spettaklu li se jittella’ f’Ottubru 2023. Taħt id-direzzjoni tal-maħbub Haris Pašović, it-tim qed jaħdem qatigħ, fejn ħoloq ix-xeni u rfina l-iskript biex jiżgura li l-udjenza tingħata esperjenza teatrali unika u indimentikabbli. 

Wara li l-ispettaklu se jittella’ fil-Polonja, it-tim teatrali mistenni jtella’ l-ispettaklu fl-4 teatri msemmija, matul din is-sena kif ukoll fis-sena 2024.

Dawn huma d-dati meta se jintwerew l-ispettakli:

  • Opole, fil-Polonja: 13 t’Ottubru, 2023
  • Parma, fl-Italja: 21 t’Ottubru, 2023
  • Il-Belt Valletta, f’Malta: 9 ta’ Frar , 2024
  • Nova Gorica, fis-Slovenja: 16 t’April, 2024
  • Prishtina, fil-Kosovo: 25 t’April, 2024

L-iskript, miktub minn Marko Bratuš u d-direttur Haris Pašović, iġiegħel lill-udjenza taħseb. U l-kreattività ta’ Bratuš u Haris Pašović mistennija wkoll tisfida l-perċezzjonijiet filwaqt li se titfa’ dawl fuq perspettiva ferm differenti tad-dinja teatrali Ewropea.

B’kollaborazzjoni mal-ETC Development Grant (kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea Creative EU), Teatru Malta żgura għotja ta’ €5,000 għar-riżorsi li se jiġi bżonn dan il-grupp teatrali biex jagħti ħajja lix-xogħol tiegħu. Hekk kif iż-żmien qed joqrob, żommu ruħkom aġġornati b’intervisti esklussivi, titwiliet minn wara l-kwinti u aġġornamenti dwar il-vjaġġ li se jagħti ħajja lil ‘’The Best European Show’’. Teatru Malta huwa kburi li jifforma parti minn din il-kollaborazzjoni u se jaħdem sabiex dan l-ispettaklu jittella’ f’Malta, fi Frar 2024. Din il-produzzjoni mhix biss kisba għall-qasam teatrali iżda hija wkoll ċelebrazzjoni tal-għaqda, diversità u l-kapaċità tal-kollaborazzjoni fid-dinja teatrali.