Il-Qtates ta’ max-Xatt

Teatru Malta huma eċċitati immens li se jiftħu l-programm tagħhom għall-2019 bl-opra tant-mistennija għat-tfal, Il-Qtates ta’ max-Xatt fit-23 u l-24 ta’ Frar bi sħubija ma’ Festivals Malta. Dan l-ispettaklu maġiku huwa adattament tal-ktieb tat-tfal ferm maħbub tal-awtriċi Maltija Clare Azzopardi, b’direzzjoni ta’ Denise Mulholland u kompożizzjoni ta’ Euchar Gravina. L-opra, adatta għal tfal ta’ bejn it-8 u l-10 snin se ssir fil-bini storiku tal-Mużew Marittimu tal-Birgu.

Din l-istorja ħelwa tittratta s-suġġett sensittiv tat-telfien mill-għajnejn ta’ grupp ta’ kantanti qtates stray li jitħabtu biex jaċċettaw l-“għajbien” ta’ tnejn mill-aktar nies importanti fil-ħajja tagħhom; in-nanna u n-nannu. Udjenzi, żgħar u xjuħ huma mistiedna li jiġu jgawdu din l-interpretazzjoni melodjuża ta’ storja li permezz tal-kant u l-puppazzi tesplora waħda mill-ikbar biżgħat tat-tfal. Nismagħkom tgħidu, pupazzi? Iva! Il-qtates se jieħdu l-ħajja b’vuċijiet favoriti tal-opra bħal Clare Ghigo, Ruth Sammut Casingena, Francesca Aquilina, Sean Borg u Louis Andrew Cassar. Iżda dawn mhux se jkunu l-uniċi talenti li jisirqu l-attenzjoni tal-udjenza għax il-qtates huma pupazzi magħmulin mill-bravu Matthew Pandolfino. In-Nanna se tkun interpretata minn Ruth Sammut Casingena li se tkun qed tagħmel ukoll il-vuċi ta’ Pippistrell il-qattus, filwaqt li r-rwol tan-Nannu se jitħalla f’idejn Jean Pierre Busuttil.

Din l-opra qasira ta’ mhux aktar minn 45 minuta, se tkun il-ħarġa perfetta għall-familja kollha, jekk qed tfittex li tagħmel xi ħaġa kemmxejn differenti fi tmiem il-ġimgħa. Se jkun hemm preżentazzjoni fit-3 ta’ wara nofsinhar u oħra fis-6 ta’ filgħaxija, kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd. Huwa avveniment perfett għal daqsxejn divertiment qabel jew wara t-te ta’ wara nofsinhar jew xi pranzu bikri tul ix-xatt pittoresk tal-Birgu maċ-ċkejknin tiegħek.

Il-Qtates ta’ max-Xatt huwa xogħol kollaborattiv fi sħubija mal-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta, il-Festival tat-Tliet Palazzi, Culture Pass Malta, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Impjieg, LESA u Heritage Malta. Biex tibbukkja l-biljetti tiegħek jew għal aktar informazzjoni dwar dan l-avveniment ħelu, żur teatrumalta.org.mt jew ċempel 21220255.