IL-PROGRAMM GĦAD-DIRETTURI ŻGĦAŻAGĦ

Aħna nemmnu li għandna bżonn aktar diretturi!
Teatru Malta jixtieq jipprovdi appoġġ lil diretturi li għadhom qed jibdew il-karriera tagħhom. Kull sena nieħdu l-impenn li nafdaw waħda mill-produzzjonijiet tagħna f’idejn direttur/direttriċi żgħażugħ/a li għandhom inqas minn tletin sena.
Aħna nixtiequ li l-għadd ta’ diretturi professjonisti jiżdied u rridu ngħinuhom fl-istadji bikrin tal-karriera tagħhom. Se nkunu qed noffru għażla ta’ opportunitajiet biex ngħinu lil dawn id-diretturi jiżviluppaw is-sengħa tagħhom.

Matul is-sena kalendarja se jkollna opportunitajiet ta’ mentorship u shadowing, workshops u provi bil-bibien miftuħin disponibbli għad-diretturi li huma interessati. Imbagħad, jintgħażel/tintgħażel direttur/direttriċi żgħażugħ/a biex jidderieġu waħda mill-produzzjonijiet tagħna s-sena ta’ wara taħt il-mentorship ta’ professjonista fil-qasam u tad-direttur artistiku ta’ Teatru Malta.
Għall-2018 intgħażel André Agius biex jidderieġi The Hothouse ta’ Harold Pinter taħt il-gwida ta’ Irene Christ.
Jekk tixtieq tikkuntattjana dwar il-Programm għad-Diretturi Żgħażagħ, jekk jogħġbok ibgħat email jew ċempel fuq 21 220255.
Ibqgħu segwuna għal aġġornamenti fuq il-websajt u l-midja soċjali tagħna.

Blog Post: PROĠETT KLASSIĊI (Pen Illustration)
Il-proġett tal-klassiċi huwa impenn li ħadet Teatru Malta biex kull sena tagħżel awtur klassiku u xogħol partikolari ta’ dan l-awtur biex jiġi tradott lejn il-Malti biex imbagħad jittella’.
Dan ix-xogħol imbagħad jiġi ppubblikat bil-Malti flimkien ma’ għażla ta’ xogħlijiet mill-istess awtur li jkunu diġà ttellgħu f’Malta.
L-għan tal-proġett huwa li jiżdied id-direttorju tal-klassiċi bl-ilsien Malti u li dawn ikunu disponibbli għal pubbliku bil-wisq usa’. Bħalissa, innutajna li l-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet klassiċi kontemporanji internazzjonali bil-Malti, jekk qatt ġew tradotti jew imtellgħin, mhumiex ippubblikati u huma disponibbli biss mat-traduttur jew il-produttur tax-xogħol. Aħna rridu nirranġawha din is-sitwazzjoni, għax nemmnu li t-teatru tagħna kollu se jgawdi mill-inizjattiva.
Din is-sena se nkunu qed nipproduċu The Hothouse ta’ Harold Pinter bil-Malti biex nikkommemoraw l-10 anniversarju mill-mewt ta’ Pinter.