23 . 10 . 18

Il-Ma…..relli x’cast dak!

Dalwaqt waslet!

Fadal ftit ġimgħat oħra biex il-kast splussiv tagħna jieħu f’idu l-palk  u vera ninsabu fuq ix-xwiek biex jasal Diċembru li ġej. Teatru Malta, il-kumpanija teatrali nazzjonali, tinsab ferm kuntenta li tista’ tħabbar ‘Il-Madonna Tiegħi Aħjar minn Tiegħek’, operetta li se tara lura fuq il-palk lill-kantanta u attriċi veterana favorita mal-Maltin MARY-ROSE MALLIA bħala z-Zija Katja – is-seksieka tar-raħal, ċawla imma reliġjuża u devota kbira tal-Madonna tal-Katina. Iżda l-każini għandhom dawk li jżommu magħhom, u min mhux magħhom jispiċċa kontra tagħhom. Joe Cortis huwa n-Nannu Fred, u għalkemm moħħu jilħaqlu u ma tgħaddilux ħelwa għal melħa, m’għandux ħin għal min ma jżommx mal-Madonna tal-Warda ta’ qalbu! Il-parti tal-Kappillan, bniedem ta’ sabar kbir li dejjem jispiċċa medjatur, se tkun f’idejn Simon Curmi, u l-grazzjuża Amber Mansueto se jkollha l-parti ta’ Violet, in-neputija favorita taz-Zija Katja.

Ismijiet magħrufa oħra mill-kast huma Aaron Fenech, Dorothy Baldacchino, Rachel Vella, Karl Cassar, Maria Eleonora Zammit, Christine Francalanza u Ivan Vella li żgur se jtellgħu l-ikbar spettaklu tas-sena!