06 . 09 . 18

Il-Bust ta’ Francis Ebejer – Mikxuf!

Illum saret konferenza stampa fi Spazju Kreattiv biex tfakkar il-25 sena mill-mewt ta’ Francis Ebejer, wieħed mill-aqwa kittieba f’Malta, li matul it-tmiem il-ġimgħa se jittella’ wieħed mid-drammi tiegħu.

Barra minn hekk, il-Proġett Francis Ebejer tnieda formalment mid-diretturi artistiċi tiegħu Dr Toni Sant (Spazju Kreattiv), Kenneth Zammit Tabona (Teatru Manoel) u Sean Buhagiar (Teatru Malta) bil-kxif ta’ bust ġdid ta’ Ebejer fi Spazju Kreattiv. Il-bust inħadem fil-bronż minn fuq abbozz li kien ħadem l-iskultur magħruf Malti Anton Agius.

Il-bust tal-bronż, li kien ikkummissjonat minn Spazju Kreattiv b’kollaborazzjoni ma’ iben il-kittieb – l-artist Damian Ebejer, hu parti minn serje ta’ inizjattivi fit-tul li qegħdin joħorġu mill-Proġett Francis Ebejer u huma mmirati li jiċċelebraw il-memorja, il-ħajja u l-legat ta’ dan il-ġgant letterarju Malti, waqt li jispira xogħol teatrali ġdid – li bħax-xogħol ta’ Ebejer fi żmienu, jisfida l-konfini teatrali tal-lum.

Sean Buhagiar spjega li permezz tal-programm “Siparju”, inizjattiva li għandha l-għan li taħdem fuq analiżi kritika tal-istorja teatrali f’Malta, Teatru Malta beħsiebha tippubblika kollezzjoni tax-xogħlijiet ta’ Ebejer.

Barra minn hekk, illejla Teatru Malta permezz ta’ koproduzzjoni ma’ Teatru Manoel, b’kollaborazzjoni mal-kumpanija taż-żfin ŻfinMalta, se ttella’ għall-ewwel darba addattazzjoni kontemporanja tad-dramm klassiku modern ta’ Ebejed – BOULEVARD – fit-Teatru Manoel! Din il-produzzjoni, li tagħmel parti mill-proġett li għadu kif tnieda, għandha d-direzzjoni ta’ Toni Attard u l-koreografija ta’ Paola Mangiola, id-direttur artistiku ta’ ŻfinMalta. BOULEVARD, li se tibqa’ għaddejja sad-9 ta’ Settembru, se tinkludi tnejn mill-atturi oriġinali tagħha – Karmen Azzopardi u Paul Xuereb – li se jerġgħu jaħdmu r-rwoli prestiġġjużi tagħhom bħala atturi mistiedna fuq l-istess palk, li fuqu kien sar għall-ewwel darba dan id-dramm fl-1964.
Il-produzzjoni vibranti tinkludi wkoll uħud mill-atturi favoriti attwali – Antonella Axisa, Thomas Camilleri, Stephen Mintoff u Aaron Fenech kif ukoll iż-żeffiena Keith Micallef, Martina Zammit,  Nicola Micallef, Jure Gostincar u Abel Hernandez minn ŻfinMalta.

Għal aktar tagħrif dwar il-PROĠETT FRANCIS EBEJER jew BOULEVARD, żur www.teatrumalta.org.mt, www.kreattivita.org u www.teatrumanoel.com.mt