Gulbiena – A Panto in the Dark, this Sunday in aid of L-Istrina

Il-Ġulbiena hija litteralment wara l-kantuniera… u le, fejn int sejjer b’rasek? Mhux qed nirreferu għall-pjanta ta’ fuq l-ixkaffa tal-kċina tiegħek. Ġulbiena ir-radjudramm fid-dlam se tixxandar direttament u esklussivament nhar il-Ħadd 20 ta’ Diċembru fuq 103 Malta’s Heart, Calypso Radio, XFM u Magic Malta. Dan ifisser li se tkun disponibbli fuq dawk l-istazzjonijiet biss fit-8pm, mingħajr ebda ripetizzjoni u għalhekk kun żgur li ma titlifhiex.

Produzzjoni ta’ Teatru Malta b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv u l-Malta Community Chest Fund, din se tkun l-unika pantomima li qed issir dan il-Milied fid-dawl tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19. Hija t-tielet edizzjoni tas-sensiela Panto fid-Dlam. Ma tantx inbidlu l-affarijiet għajr li d-dramm li se jsir dirett fuq ir-radju minflok f’kabina tal-ħoss. L-udjenzi xorta mistennija li jilbsu l-headphones tagħhom biex il-panto fid-dlam tibqa’ esperjenza ħajja iżda did-darba mis-sigurtà ta’ djarhom. Dak li huwa saħansitra aħjar hu li hija kompletament bla ħlas din is-sena, allura kun żgur li tismagħha!

Allura dwar xiex inhi? … Fadal siegħa waħda biss fadal u l-protagonisti tagħna qed iħejju għall-wasla ta’ mistieden misterjuż verament speċjali allura kollox irid ikun perfett! Problema waħda… hemm xi ħaġa nieqsa… Il-Ġulbiena ovvjament! Biex iġibu din il-pjanta tal-Milied tant prezzjuża tagħhom se jkollhom imorru fid-dwejra waħxija tas-Saħħara, fejn ħadd qatt ma ssogra jidħol s’issa. L-avventura tagħhom mhux se tkun waħda faċli iżda bl-għajnuna tagħkom forsi jirnexxilhom joħorġu minnha ħajjin! 

Ġulbiena – Panto fid-dlam hija miktuba u diretta minn Vikesh Godhwani u Marta Vella. Il-kast jinkludi lil Chucky Bartolo bħala d-dama, Samuel Farrugia, Anton Saliba u Davinia Hamilton.

X’iżjed? Din is-sena se nkunu qed nagħtu oġġett kuljum b’risq L-Istrina. Allura agħmel donazzjoni (€10) permezz ta’ https://mccf.store/info/21 u jkollok turija esklussiva ta’ apprezzament.

Għal aktar informazzjoni żur www.teatrumalta.org.mt jew ċempel 21220255 illum stess.