GUTZ
Jack ilu jidħol bil-moħbi fl-iskola sekondarja antika tiegħu s-sena sħiħa biex jixtri s-sausage rolls tal-canteen. Huma l-aqwa! Pero dik mhux biss l-unika raġuni għala qed jagħmel hekk. F’dawk il-klassijiet li Jack qed jidħol fihom bil-moħbi, hu sar iħobb lil James, qabel ma waqfu jitkelmu wara argument kbir. F’dawk l-istess klassijiet, s-Sa Stefania kienet qed issaħħaħ lil Jack, waqt li s-Sa Ciangura kienet qiegħda twaqqgħu. Jack kien qed jidħol bil-moħbi bl-iskola sekondarja antika tiegħu għaliex baqa’ jaħseb għala qatt ma kellu l-kuraġġ jgħid dak li kellu bżonn jgħid f’dawk iż-ż*bb ta’ klassijiet.
GUTZ, miktuba minn Alex Weenink u Kurt Gabriel Meli hi dramm għall-klassi ta’ żmien ta’ żvilupp u realizzazzjoni, għal skejjel post-sekondarji (16+), li tesplora r-relazzjonijiet taż-żgħażagħ bil-poter, mistħija u l-att li wieħed iqum fuq tiegħu u jitkellem kontra l-ilħna aktar qawwija f’ħajjitna. It-tim kreattiv ta’ GUTZ jinkludi d-drammaturgu Ruth Borg, il-mentor Dounia Mahammad u d-direttur tat-teatru Chantelle Micallef Grimaud.
GUTZ għandu jdur l-iskejjel postsekondarji f’Marzu 2024 u se tkun ukoll parti mill-festival SNG Nova Gorica, mis-17 sad-19 ta’ April 2024, flimkien ma’ 7 drammi għall-klassi oħra ppreżentati mit-Teatri Membri tal-ETC, minn total ta’ 8 pajjiżi, li ħadmu biex jiżviluppaw tmien testi ġodda fuq temi differenti u inklużivi miktuba għal udjenza żagħżugħa.
GUTZ huwa parti mill-Young Europe IV tal-ETC, li hu programm kollaborattiv fuq 3 snin iddedikat biex tinfirex in-norma tal-letteratura teatrali Ewropea. Żur www.europeantheatre.eu għal aktar informazzjoni.