DWAR NINU CREMONA U ĠUŻE DIACONO
Ninu Cremona, magħruf bħala ‘Is-Sur Nin’, jitqies bħala wieħed mill-iġganti tal-letteratura Maltija u ewlieni fost il-bennejja tal-identità Maltija. Cremona kiteb f’kull qasam tal-letteratura: filoloġija, grammatika, folklor, poeżija, novelli, storja u teatru.
‘Il-Fidwa tal-Bdiewa’ (1936) huwa ġawhra tal-letteratura Maltija, u storikament importanti bħala l-ewwel dramm letterarju serju Malti. Il-Prologu tad-dramm huwa meqjus mill-kritiċi bħala “biċċa xogħol ta’ arti sabiħa, fih il-kelma hija mħaddma u mirquma, u l-idea qawwija u oriġinali’. (Ġużè Chetcuti)
Oliver Friġġieri u Ġużè Diacono huma fost il-kritiċi li kkumentaw fuq ‘il-Fidwa’. Fl-istudju tiegħu, Diacono ma jaqbilx mal-fehma li d-dramm huwa xogħol ‘epiku-pastorali’. Jippreferi jsejjaħlu ‘poema drammatika aktar milli ‘dramm poetiku’. Hu x’inhu, dan it-test jixraqlu ċelebrazzjoni permezz ta’ trattament interpretattiv frisk imtella’ mill-Kumpanija teatrali nazzjonali. Dan mhux biss biex titbiġġel l-okkażjoni tal-ħamsin sena mill-mewt ta’ Cremona, iżda wkoll biex jintefaħ nifs ġdid f’waħda mill-isbaħ opri letterarji teatrali li qatt inkitbu bl-ilsien Malti.
Il-kummissjoni ta’din il-produzzjoni mill-Fondazzjoni Ċelebazzjonijiet Nazzjonali lil Teatru Malta hija ġest sinifikanti ta’ importanza kulturali u teatrali sostanzjali. Ġużè Diacono: kittieb, ġurnalist, kritiku u drammaturgu – Diacono, li flimkien ma’ Ġużè Chetcuti, huwa esponant ewlieni tan-neorealiżmu Malti fil-qasam teatrali. Kelli x-xorti naħdem miegħu mill-qrib meta ħdimt fuq l-adattament u d-direzzjoni tal- “Madonna taċ-Ċoqqa” tiegħu għat-televiżjoni. F’burdata mhux tipika, Diacono, kiteb id-dramm mistiku, ‘L-Għarusa’ (1964), att uniku dwar soru viżjonarja. Niftakar lill-brava attriċi Karmen Azzopardi tinterpreta l-parti ta’din is-soru b’mod brillanti. Is-sottotest għani ħafna ta’ dan ix-xogħol kurjuż ta’ Diacono jaċċenna għal elementi ta’ fanatiżmu reliġjuż, erotiżmu soppress, u dgħufija ta’ saħħa mentali li jipproblematiżżaw il-karattru tas-soru b’sengħa li ma bħalha. Dnub li dan id-dramm qasir ta’ Diacono qatt ma ngħata l-importanza li jixraqlu.
Huwa sewwasew għalhekk li din il-produzzjoni, f’data f’idejn Teatru Malta mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, tista’ titqies bħala avveniment importanti li jfakkar l-għoxrin l-anniversarju ta’ mewtu.