16 . 07 . 20

COVID-19: Linji Gwida għall-produzzjonijiet Teatrali

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, qed jippubblika l-COVID-19 Transition Guidelines għall-produzzjonijiet artistiċi li se jiġu organizzati f’teatri pubbliċi u privati, kemm fuq ġewwa u fuq barra inkluż performance spaces oħrajn.

L-għan ta’ dawn il-linji gwida huwa li jippromwovu prattiċi sikuri tax-xogħol għall-maniġment tat-teatru, producers, ekwipaġġ u artisti, kif ukoll biex jissalvagwardjaw il-benesseri tal-patruni. Il-linji gwida jieħdu inkonsiderazzjoni l-aspetti artistiċi u finanzjarji tal-produzzjonijiet kulturali.

“Dawn il-linji gwida għandhom jiżguraw li t-teatri tagħna jadottaw mekkaniżmi adegwati sabiex jikkontrollaw ir-riskji relatati mal-COVID-19,” stqarr il-Ministru Herrera. Huwa semma li l-Ministeru u l-Kunsill Malti għall-Arti matul ix-xhur li għaddew, żammew kuntatt kostanti ma’ diversi artisti kif ukoll mal-Awtoritajiet tas-Saħħa sabiex jiżguraw li l-linji gwida li qed jinħarġu jilħqu l-bilanċ ġust bejn ir-regolamenti tas-saħħa u s-sopravivenza artistika u ekonomika tat-teatri tagħna.

Iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li huwa importanti li t-teatri tagħna, kemm dawk fuq ġewwa u fuq barra, pubbliċi u privati, jiftħu l-bibien tagħhom sabiex jibdew jilqgħu l-patruni tagħhom lura wara t-tneħħija tar-restrizzjonijiet relatati mal-Covid-19. “Performing arts, inkluż playhouses u performance spaces miftuħa, flimkien ma’ artisti u l-ħaddiema kollha li jiffurmaw il-komunità teatrali, għaddew minn żminijiet diffiċli matul ix-xhur tal-pandemija. Aħna rrevedejna r-regolamenti sabiex niżguraw li l-producers jiġu offruti kundizzjonijiet li jirrispettaw aħjar l-aspetti loġistiċi u finanzjarji tat-teatru.”

Il-producers huma mistennija li jieħdu ħsieb is-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri tal-artisti, tal-ekwipaġġ, u tal-ħaddiema l-oħra kollha. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jinkludu wkoll kuntratturi u delivery persons, kif ukoll l-udjenza.

Dawn il-linji gwida jipprovdu kunsiderazzjonijiet ġeneriċi li l-maniġment tat-teatri u l-producers għandhom jirrispettaw meta jiddeċiedu li jibdew il-wirjiet pubbliċi. Id-distanza soċjali, l-adegwatezza tal-faċilitajiet, l-arranġamenti għat-tindif u bidliet oħra li jistgħu jaffettwaw is-saħħa u s-sigurtà tal-udjenzi u tal-artisti, huma parti mil-lista riveduta ta’ regolamenti li ser jirregolaw is-settur teatrali b’ effett immedjat.

Il-Kunsill Malti għall-Arti, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru, waqqaf il-‘COVID-19 Transition Arts Advisory Group’ sabiex jaġixxi bħala punt ta’ referenza u jiżgura tranżizzjoni ta’ suċċess permezz tal-istabbiliment ta’ netwerk u skambju ta’ għarfien, u b’hekk iwassal biex jiġu identifikati kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu, jinstabu soluzzjonijiet u jiġu pprovduti gwidi, filwaqt li jinstab bilanċ bejn l-ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet u ż-żamma sikura tan-nies.

Tista’ tniżżel il-linji gwida minn hawnhekk.

Kuntatti:

Tel.         23347227

Email:     artsassistance@artscouncil.mt