Siparju: Borża ta’ Studju

30.09.21

X’inhu l-iskop ta’ Siparju?

F’Malta hawn nuqqas ta’ letteratura komprensiva u kredibbli li titratta l-istorja tat-teatru fil-pajjiż. Biex jindirizza din il-problema, id-Dipartiment tal-Istudji tat-Teatru ħoloq sistemi u opportunitajiet għall-istudju tat-teatru f’Malta fid-diversi forom tiegħu. 

Għaliex għandna bżonnok

Biex itejjeb l-livell ta’ din ir-riċerka, id-Dipartiment tal-Istudji tat-Teatru tal-Università ta’ Malta qed jikkollabora ma’ Teatru Malta biex joffri borża ta’ studju li twassal għall-ksib ta’ PhD fl-Istudji tat-Teatru fl-Università ta’ Malta. Il-kandidat magħżul se jkun qed jaħdem fuq teżi dwar l-istorja tat-teatru f’Malta skontd kif ikun ġie miftiehem mas-superviżuri tal-proġett u ma’ Teatru Malta. Il-proġett se jinvolvi metodi differenti ta’ ġbir tad-dejta, li jinkludu xogħol fuq materjal arkivistiku u intervisti ma’ prattikanti tas-settur, u se jkun immirat biex jagħti kontribut importanti fil-ġbir tal-għarfien dwar l-istorja tat-teatru ta’ Malta kif ukoll ixerred u jippopolarizza letteratura dwar is-suġġett li tkun kemm storikament kif ukoll teoretikament soda.

 

Xogħol imwettaq s’issa mid-Dipartiment tal-Istudji tat-Teatru

Matul is-snin, id-dipartiment offra taqsimiet-studju fis-suġġett fil-livell li jwassal għall-ksib tal-ewwel grad u ħeġġeġ lill-istudenti sabiex jersqu lejn dan il-qasam ta’ riċerka fit-teżijiet li jwasslu għall-ksib tal-ewwel grad u ta’ gradi ogħla. Membri tad-dipartiment mexxew ukoll l-iżvilupp ta’ arkivju diġitali li ġabar ammonti kbar ta’ dejta relatata mal-prestazzjoni teatrali fil-gżejjer Maltin u li jistgħa jiġi aċċessat mill-arkivju diġitali tal-arti performattiva

 

Dwar id-Dipartiment tal-Istudji tat-Teatru

Id-Dipartiment tal-Istudji tat-Teatru huwa dipartiment vibranti fi ħdan l-Iskola tal-Arti Performattiva. Jattira studenti fil-livelli li jwasslu għall-ksib tal-ewwel grad u ta’ gradi ogħla kemm minn Malta u kemm minn bosta pajjiżi oħra, u joffri ambjent li jinkoraġġixxi t-trawwim ta’ rigorożità akkademika fl-istudju kif ukoll ta’ ħiliet oħra. Għaldaqstant dawk jiggradwaw mid-dipartiment jispiċċaw jiġbdu l-interess tal-impjegaturi fl-industrija tat-teatru, fis-settur kulturali u lil hinn minnhom. Id-dipartiment iħeġġeġ l-interdixxiplinarità, fejn l-istudenti jiltaqgħu u jaħdmu ma’ sħabhom minn dipartimenti oħra tal-Iskola kif ukoll minn entitajiet oħra fi ħdan l-università. Id-dipartiment jipprovdi opportunitajiet għal studenti f’kull livell biex jitgħallmu minn u jaħdmu ma’ prattikanti u akkademiċi li ġejjin minn diversi partijiet tad-dinja u li għandhom firxa wiesgħa ta’ esperjenzi. L-istudenti fil-livell għall-ksib ta’ gradi ogħla huma speċjalment imħeġġa jagħtu l-kontribut tagħhom fid-diversi komunitajiet tar-riċerka li jeżistu fi ħdan l-Iskola.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab hawn u hawn. Il-kandidat magħżul se jkun qed jaħdem mal-Prof. Vicki Ann Cremona u ma’ Dr Marco Galea fi rwol tagħhom ta’ superviżuri.

 

Dwar Vicki Ann Cremona

Vicki Ann Cremona hija il-president tal-Iskola tal-Arti Performattiva fl-Università ta’ Malta. Hija ggradwat mill-Université de Provence, Franza u kienet akkademika mistiedna fil-Kulleġġ Lucy Cavendish, Università ta’ Cambridge. Kienet ambaxxatriċi ta’ Malta għal Franza bejn l-2005 u l-2009, u tat-Tuneżija bejn l-2009 u l-2013. Hija membru eżekuttiv tal-Federazzjoni Internazzjonali tar-Riċerka tat-Teatru (IFTR) u kkontribwiet għat-twaqqif ta’ Icarus Publishing Enterprise, inizjattiva konġunta ta’ bejn it-TARF, Odin Teatret (id-Danimarka) u The Grotowski Institute (il-Polonja). Ippubblikat numru ta’ pubblikazzjonijiet internazzjonali, l-aktar dwar avvenimenti teatrali u ċelebrazzjonijiet pubbliċi, partikolarment il-karnival, il-commedia dell’arte, l-antropoloġija teatrali, it-teatru u il-kostumi Maltin. Il-pubblikazzjoni tal-ktieb l-aktar reċenti tagħha iġġib l-isem: Carnival and Power: Play and Politics in a Crown Colony (Palgrave Macmillan, 2018).

Il-profil Orcid tagħha jidher hawn.

 

Dwar Marco Galea

Marco Galea ggradwa fil-Malti u fit-Taljan mill-Università ta’ Malta u ngħata Masters fil-Letteratura Maltija. Huwa kompla jistudja t-teatru fl-Università ta’ Birmingham fir-Renju Unit fejn ingħata PhD. Huwa lettur azjan fit-teatru u direttur tar-riċerka tal-Iskola tal-Arti tal-Ispettaklu fl-Università ta’ Malta. Huwa ppubblika bosta xogħlijiet dwar l-istorja tat-teatru Malti u t-teatru postkolonjali, u editja volumi dwar prattikanti tat-teatru Maltin u Ewropej. Ktieb ta’ reċensjonijiet teatrali li editja rebaħ il-Premju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ Malta għar-Riċerka fl-2017. Huwa kien ukoll attiv fis-settur tal-volontarjat, fir-rwol tal-president tal-Malta Union of Writers (L-Akkademja tal-Malti) bejn l-2005 u l-2007. Il-pubblikazzjoni tal-ktieb l-aktar reċenti tiegħu hija Redefining Theatre Communities (koeditjat ma’ Szabolcs Musca għal Intellect Books, 2020).

Il-profil Orcid tiegħu jidher hawn.

 

X’se jkun mistenni mill-kandidat magħżul

🎓Il-kandidat magħżul se jikteb proposta ta’ riċerka b’kollaborazzjoni mas-superviżuri tal-proġett li tiġi sottomessa lill-Università ta’ Malta għall-approvazzjoni.

🎓It-teżi se tinkiteb bl-Ingliż, li hija l-lingwa uffiċjali tal-istruzzjoni tal-Università ta’ Malta. Il-kandidati għandu jkollhom ukoll għarfien tajjeb tal-Malti, bħala mezz miktub u mitkellem.

🎓Il-kandidat magħżul se jingħata opportunitajiet u jkun mistenni li jaqsam xogħolu ma ħaddieħor permezz tal-parteċipazzjoni f’seminars u f’konferenzi akkademiċi, tal-pubblikazzjoni akkademika u ta’ modi oħrajn. Meta wieħed iqis l-interess li din ir-riċerka mistennija tiġġenera fuq livell nazzjonali, il-kandidat għandu jkun lest biex jaħtaf l-opportunitajiet li fihom jkun jista’ jxerred ir-riċerka permezz tal-midja tal-massa lokali.

🎓Taħriġ f’metodi differenti ta’ ġbir, ipproċessar u analiżi tad-dejta se jiġi pprovdut kif ikun meħtieġ.

🎓Teatru Malta se jkun qed jinvesti f’websajt li tiddokumenta l-istorja tat-teatru Malti. Il-kandidat magħżul se jkollu r-responsabblità li jipprovdi d-dejta meħtieġa biex jimtela dan it-timeline virtwali.

Rekwiżit

Biex jiġu kkunsidrati għal din il-borża ta’ studju, l-applikanti jrid ikollhom:

🎓Grad tal-Master, jew Grad bl-Unuri fl-Ewwel Klassi, fis-Studji Teatrali jew f’suġġett simili.

Iktar informazzjoni

Aktar informazzjoni dwar l-studji tal-PhD fl-Università ta’ Malta tista’ tiġi aċċessata minn hawn.

Persuni li huma interessati li japplikaw għal din il-borża ta’ studju huma mħeġġa jikkuntattjaw lil Dr Marco Galea (marco.galea@um.edu.mt) fir-rigward ta’ mistoqsijiet ta’ natura akkademika; u lis-Sinjura Teresa Parry (teresa.parry@um.edu.mt) għall-mistoqsijiet ta’ natura amministrattiva.

L-applikazzjonijiet se jinfetħu f’Settembru 2021 mill-Università ta’ Malta, u l-programm tal-PhD se jibda f’Ottubru 2021.

Din l-inizjattiva hija possibbli wkoll grazzi għall-kontribut tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.