#BEZZJONI: Michael Tabone

Ritratt: Elisa von Brockdorff

Id-dar ta’ Michael kienet l-ewwel waħda li żorna u tiegħu kien ukoll l-ewwel ritratt li ħadna f’gallarija! Sewwasew fil-qalba ta’ Belt Valletta bilkemm tingħaraf.  baħħ! La nies, la vuċijiet, la għaġġla… xejn ħlief Michael ixejrna mit-tieqa tal-gallarija tiegħu. Leqgħana tagħna l-merħba malajr. Naturalment konverżazzjoni mill-gallarija kienet kemmxejn aktar diffiċli milli stennejna imma rnexxielna għax fuq kollox konna qed nitkellmu ma’ professjonist tat-teatru li jagħmilha l-prijorità tiegħu li jipproġetta l-vuċi għall-udjenza 😉 hawn huma l-ħsibijiet tiegħu dwar il-ħajja waqt is-sokor tal-lockdown attwali, bħala parti mis-serje tagħna ta’ kull ġimgħa #BEZZJONI, serje ta’ inkontri bieb bieb ma’ ikoni tat-teatru Malti 😍

Michael Tabone twieled fix-Xagħra, Għawdex fis-27 ta’ Novembru 1953. Huwa kien attiv bħala attur għal aktar minn tletin sena u jirreċta fi drammi ma’ kumpaniji tat-teatru f’Malta.

“Bħalissa parti mir-rutina tiegħi hi li kuljum insajjar u ngħaddi  ħin  naqra minn xi ktieb ta’ l-istorja ta’ Malta. Kultant nisma’ l-aħbarijiet biex inżomm ruħi aġġornat. Ġieli jċempluli xi ħbieb u noqgħodu nitkellmu. Filgħaxija spiss insegwi l-filmati tad-drammi tan-National u l-Globe Theatres li qed juru fuq YouTube, jew nara xi film. Il-ġimgħa l-oħra fettilli niżbarazza kamra u sibt xi kaxxi bi programmi u scripts ta’ reċti li kelli sehem fihom matul is-snin. Issa qed  nirranġahom wara xulxin skont id-data, mill-ewwel reċta li kont għamilt fil-kors tal-MTADA fl-1979 sa l-aħħar waħda fit-Teatru Manoel f’Novembru li għadda. 

“Fl-aħħar erbgħin sena kelli x-xorti ninterpreta karattri fi drammi ta’ kittieba  magħrufa fosthom Ewripide, Shakespeare, Marlowe, Molière, Goldoni, Chekov, Brecht u Pinter.  Ħdimt ukoll fi drammi ta’ wħud mill-aqwa awturi tat-teatru Malti fosthom Francis Ebejer, Oreste Calleja, Ġuze’ Chetcuti,  Joe Friggieri, Vince Vella u Trevor Zahra.  Nittama li din l-imxija tgħaddi malajr biex l-attivitajiet teatrali jissoktaw b’aktar saħħa artistika.’’