16 . 06 . 20

#BEZZJONI: Michael Sciortino

Ritratt: Elisa von Brockdorff

Wara li soqna sal-Imqabba biex inżuru lill-attur Michael Sciortino, ovvjament spiċċajna nsibu n-numri tad-djar kollha minbarra tiegħu! Bdejna naħsbu li r-riħ kien forsi rebħilna imma mbagħad ċemplilna Michael u ddireġina minn ħdejn il-ħanut taż-żebgħa u fit-triq it-tajba. Fl-aħħar! F’radda ta’ salib (insomma wara 10 minuti) sibna ruħna quddiem biebu. F’roqgħa dell f’ġurnata xemxija ħafna, intfajna nparlaw ma’ Michael għal ħin twil dwar kull ħaġa minn produzzjonijiet tal-passat għan-negozju tal-lum u kif wieħed irid jinqasam f’elf biċċa bejn ix-xogħol, id-dar, il-provi u r-reċtar. Mhux ħaġa faċli u tajjeb li ngħidu li Michael diġa kien qabad jidra jnaqqas mill-ġenn sa minn qabel ma l-Covid-19 ġegħlitna nnaqqsu kollha kemm aħna!  Ejja naraw il-ħsibijiet tiegħu dwar il-ħajja fl-iżolament bħala parti mis-serje #BEZZJONI ta’ Teatru Malta, sensiela ta’ inkontri bieb bieb ma’ ikoni tat-teatru Malti. 

 

MICHAEL  SCIORTINO twieled fis-26 ta’ Novembru 1949. Tela’ l-ewwel darba fuq il-palk meta kellu 15-il sena, fis-Seminarju. Minn dakinnhar attenda diversi korsijiet fid-drama ma’ diretturi barranin u Maltin u ggradwa mill-MTADA fl-1979. Ħadem ma’ l-aqwa diretturi Maltin u oħrajn barranin.  Illum huwa attur veteran tal-palk Malti, ir-radju u t-televizjoni. Kellu partijiet importanti f’bosta films barranin. Hu magħruf l-aktar għal partijiet karatteristici li interpreta.  

 

Minħabba l-pandemija, kelli ninqafel id-dar skont l-istruzzjonijiet u nappella lil kulħadd jagħmel bħali!  Ngħaddi ħafna ħin fil-ġnien li bħalissa jrid ix-xogħol: żbir, bexx, tisqija u qtugħ tal-frott. Sikwit immur nimxi mal-mara Marjanna u ġieli ngħinha f’xi xogħol tad-dar. Minħabba din l-epidemja qed insib ħin biex indur dawra mad-dar u nsewwi xi affarijiet li kien ilhom pendenti.  Kważi ta’ kuljum nikkomunika ma’ tal-familja bl-IT.  Il-pjaċir tiegħi nagħti xi lezzjonijiet lin-neputijiet, Ben u Ethan, fl-Irlanda għax wara kollox jien kont għalliem u din is-sejħa għadni nħossha.  Forsi dan hu punt pożittiv li ħareġ minn din is-sitwazzjoni.  Qabel kienu jgħiduli biss “Hello Nannu, bye, bye”, mentri llum iqattgħu hin twil jitkellmu miegħi.

 

Din il-pandemija ġabet ukoll xi frustrazzjoni, għax kont ibbukkjajt biex nattendi,  ma’ Marjanna,  kunċert ta’ Andrè Rieu ġo Maastricht fit-2 ta’ Lulju,  li ġie mhassar.  Kienet ħolma qadima, li forsi għad isseħħ! Frustrat ukoll li ma nistax ngħannaq lil uliedi u marti bħal qabel.  Hemm ċerta biza’, speċjalment minħabba l-età. Imma nemmen li dan għad jgħaddi u ma jdumx. Il-parir li nagħti hu “Tabbużawx, obdu l-istruzzjonijiet, ħudu ħsieb tagħkom u ta’ madwarkom, dan għad jgħaddi.” 

Għalkemm illum jiena rtirat xorta għadni naghti sehmi meta tinqala’ l-okkazzjoni.