#BEZZJONI: Maryrose Mallia

 Elisa Von Brockdorff

Il-ġimgħa l-oħra kien il-bieb ta’ Maryrose Mallia li morna nħabbtu biex naraw kif inhi u x’qed tagħmel waqt din il-pandemija.

Għal darb’oħra ma rnexxilniex inħabbtu fuq il-bieb għax aħna
u sejrin intlifna u Maryrose kellha tibgħat lil ħuha Lino jfittixna.

Dan ovvjament sabna bla problemi u, meta wasalna għandhom hemm kienet Maryrose, lesta tistenniena fil-bieb tad-dar. Leqgħatna bi tbissima u dik it-tixjira u daħqa ħelwa tagħha. Iddiskutejna l-importanza li żżomm ruħek impenjata, li tkun kapaċi tiżbogħ xagħrek stess, li tiekol tajjeb għal saħħtek, u li tħaddan t-talenti qodma tiegħek biex iżżomm ruħek okkupata!

Hemm, fuq l-għatba tal-bieb tagħha, sewwasew fiċ-ċentru ta’ pjazzetta pittoreska fir-raħal ħlejju ta’ Ħaż-Żebbuġ Maryrose qasmet magħna xi ħsibijiet u ftit ċajt dwar il-ħajja fiż-żmien il-COVID-19 bħala parti mis-serje #BEZZJONI ta’ Teatru Malta, sensiela ta’ laqgħat bieb bieb ma’ ikoni tat-teatru Malti.

“Jiena Maryrose Mallia, twelidt f’Ħaż-Żebbuġ fid-9 ta’ Mejju 1953, jiġifieri tafu li għandi 67 sena. Ilni fil-karriera 53 sena, ma waqaft qatt, kemm bħala attriċi u kemm bħala kantanta. Kont barra minn Malta 16-il sena sħaħ – il-Ġermanja – u issa din qed isservini bħala brejk naturali.

“Għal naqra ma nqbadx Milan għax kont sejra niffirma kuntratt hemmhekk, jiġfieri l-Bambin refgħani minn xagħri! U issa ninsab hawnhekk, nistenna l-eżitu bħal kulħadd, ta’ dan il-virus imbierek li niżżel lil kulħadd għal kupptejh.

“Fil-ħin liberu qed insajjar, innaddaf id-dar, narmi l-imbarazz li jakkumula. Interessanti kemm qed insib affarijiet għax il-mamà kienet iżżomm kollox. Sibt santi anke tal-preċett tiegħi! Knitting, u kotba.

“Inħobb naqra ħafna. Kieku ma kellix din il-professjoni kont nistudja l-psikoloġija. Naqra ħafna kotba ‘self-help’ biex intejjeb lili nnifsi u n-nies ta’ madwari.

“Minn kollox qed naqra, bil-Malti u bl-Ingliż, anke dwar is-saħħa, għax jien iffissata dwar healthy eating u healthy living ukoll. Minn kollox nagħmel, meta niddejjaq nagħmel xi ħaġa, naqleb għal xi ħaġa oħra. Indoqq il-pjanu wkoll, dejjem għaddejja b’xi ħaġa.

“Nagħmel video calls ukoll. Għandi ħabiba intima tiegħi il-Kanada, indumu mparlaw ma ngħidlekx kemm jien u hi. U nċempel lill-ħbieb li għandi l-Ġermanja u l-Italja wkoll. M’għandix kwiet!”