09 . 06 . 20

#BEZZJONI: Marylu Coppini

Photo: Elisa von Brockdorff

Ma kinetx ħaġa faċli li nsibu nipparkjaw f’San Pawl il-Baħar viċin il-villeġġjatura ta’ Marylu Coppini. Wara li nżilna u tlajna t-triq tagħha darbtejn bla ma rnexxielna nsibu l-bieb ħsibna li konna ntlifna. Imbagħad qgħadna ftit iktar attenti u sibna din il-ġawhra ta’ dar moħbija wara faċċata magħluqa b’rixtellu li ma tagħmel ebda ġustizzja lil waħda mill-aħħar villeġġjaturi li fadal f’dik l-erja.

Meta laqgħatna bis-sarkażmu u l-inteliġenza tipiċi tagħha fil-ġnien sbejjaħ li għandha quddiem id-dar, aħna ħassejna li għandna nistaqsu jekk tħobbx il-ġardinaġġ iżda Marylu kienet pronta u assiguratna li qatt kien jinteressaha l-ġardinaġġ u li żgur m’għandhiex l-intenzjoni li tibda issa. Però ammettiet li ssaqqi … xi kultant!

Dak il-bieb blu pittoresk tagħha kien l-isfond perfett u l-aqwa aċċent ta’ kulur meħtieġ għal dak li kien jum pjuttost griż u msaħħab. Hija ċċekkjat li l-isponża tal-vileda li kellha fuq il-ħoġor tat-tieqa ma kinetx se tiġi tidher fir-ritratt, irranġat xagħarha, sabet id-dawl tajjeb u, bla ma nafu kif, tela’ s-siparju!

Marylu Coppini bdiet il-karriera tagħha bħala attriċi minn età żgħira fil-film tat-tfal Treasure In Malta, miġbud f’Malta fl-1962. Aktar tard għallmet id-drama lit-tfal u ħadet sehem f’ħafna produzzjonijiet tal-palk ma’ diversi kumpaniji lokali iżda prinċipalment mal-MADC. L-ewwel rwol tagħha bħala direttur tal-palk kien fl-1988 meta ddiriġiet The Importance of Being Earnest fit-Teatru Manoel, segwita minn produzzjonijiet kbar oħra fosthom pantomimi, musicals kif ukoll drammi ta’ Shakespeare.

Marylu kellha diversi rwoli f’serje televiżivi popolari fosthom Aħn’Aħna jew Maħniex, Miskin Mike, Villa Sunset, L’erbgħa Li Huma, Iċ-Ċaqqufa u oħrajn. Bħalissa hija d-direttur artistiku tal-MADC.
“Nistqarr li s’issa rnexxieli ndawwar dan l-iżolament sfurzat mhux mistenni f’opportunità tant mixtieqa biex nagħmilha tal-osservatur. Probabbilment dan huwa minħabba li wasal fuqna meta kont għadni kemm spiċċajt minn rwol impenjattiv fuq il-palk u kelli bżonn waqfa tajba wara l-provi u l-wirjiet. Fil-verità madankollu il-biża’ tal-palk ġie sostitwit minn biża’ ferm iżjed fatali ta’ tip kompletament differenti!

Ikolli nammetti li l-ħtieġa inizjali li kelli għall-mistrieħ għenitni naċċetta s-sitwazzjoni u naraha bħala żmien għar-riflessjoni, jiġifieri biex nipprova noħloq ikliet interessanti kuljum għar-raġel tiegħi u għalija nnifsi! Għadni kemm spiċċajt ngħaqqad l-ingredjenti flimkien għal dik li x’aktarx hija s-sittin ikla konsekuttiva!

Dan il-perjodu attwali tiegħi bħala direttur artistiku tal-MADC ifisser li ilni fil-mentalità “tal-ippjanar” kważi kontinwament għal dawn l-aħħar seba’ snin u ħassejtni perplessa nipprova naċċetta li nżomm lura minn pjanijiet quddiem produzzjonijiet li diġà għandhom l-atturi lesti u li issa se jkollhom ikunu posposti għal min jaf meta!

Min-naħa pożittiva, is-sitwazzjoni attwali tal-covid qed tħeġġeġna biex nagħmlu użu sħiħ mit-teknoloġija brillanti li għandna għad-dispożizzjoni tagħna, u l-ġimgħa d-dieħla se naraw li l-MADC tipproduċi l-ewwel streaming tagħha ta’ One-Act Play online. Id-dramm jittratta s-sopranaturali u jippreżenta lista interessanti ta’ atturi tajbin joħorġu kuntenti mill-ibernazzjoni biex jipparteċipaw f’eżerċizzju drammatiku mingħajr sforz! Nispera li dan it-tip ġdid ta’ produzzjoni ikun l-ewwel wieħed minn ħafna.

L-ibernazzjoni ġegħlitni wkoll finalment nipprova nindirizza għexieren ta’ snin ta’ affarijiet u bċejjeċ akkumulati inklużi diversi vidjows u DVDs ta’ produzzjonijiet li ddiriġejt jew irreċtajt fihom kemm fuq il-palk kif ukoll fuq it-televiżjoni sabiex jirnexxili naġġorna kollox biex ikolli aċċess aktar faċli malli s-sitwazzjoni tippermetti!

B’dispjaċir, jew forsi b’xorti tajba, drajt l-ibernazzjoni u nispera biss li meta jasal il-waqt li nerġa’ nħaddan “in-normalità” ma jkolli ebda problema biex nadatta ruħi għaliha!”