Bezzjoni: Karmen Azzopardi

Karmen Azzopardi hija attriċi Maltija versatili ħafna. Sa mis-snin ħamsin, it-talenti tagħha kienu mfittxija minn bosta kumpaniji. Fost dawn kien hemm il-Malta Drama League, il-Kumpanija Gioventù Cattolica, il-Manoel Amateur Dramatic Club u l-Maleth.
 
Karmen hawnhekk taqsam magħna xi ħsibijiet dwar kif qed tgħix iż-żmenijiet tal-COVID-19, f’dis-sensiela fejn niltaqgħu ma’ uċuh maħbuba għal #BEZZJONI
 
“Din hija d-disa’ ġimgħa li qegħda magħluqa hawn ġew. Ma nistax ngħid li jiena mdejqa. Jien bniedma li dejjem ħabbejt il-kwiet. Issa ilni ngħix waħdi minn mindu miet ir-raġel tiegħi, Chev. Paul Naudi, tlettax-il sena ilu.
 
“Qabel iż-żmien tal-Covid-19 kien ikolli diversi impenji barra imma issa xejn. Naturalment il-fatt li jkolli noqgħod hawn bilfors allura l-biċċa ħadet xejra oħra. La mmur il-knisja, la tqarbin, la familja, la ħbieb, la ħelper, la hairdresser. Xejn. Waħdi. Imma l-importanti li kull filgħodu nagħmel programm f’moħħi x’għandi nagħmel matul il-ġurnata.
 
“Mela Quddies fuq it-TV u anki Rużarju, kitba, qari, tisjir, daqsxejn television, inwieġeb messaġġi fuq l-ismartphone u hekk. Nirringrazzja lill-Mulej li għandi tal-grocer u tal-ħaxix u tal-mediċina li huma ta’ għajnuna kbira. Iġibuli kollox wara l-bieb u jien indaħħal kollox ġewwa.
 
“Ħaġa tajba li naħseb li ser toħroġ minn dan iż-żmien hija li sibt ħin aktar biex nirrifletti fuq ċertu veritajiet tal-ħajja. Il-prijoritajiet ħadu xejra oħra. Dak li kont naħseb li ma nistax ngħaddi mingħajru issa jinħass mhux daqshekk importanti.
 
“Ħaġa oħra, l-ispiritwalità li nħoss u l-karità li nara li qed issir nittama li jgħinuni biex noħroġ minn dan iż-żmien ta’ kriżi bħala mara aħjar bi kwalitajiet altruistiċi li jkunu ta’ ġid għalija u għall-oħrajn.”