#BEZZJONI: Josette Ciappara

Ritratt: Elisa von Brockdorff

Josette Ciappara huwa isem li jaf kulħadd, mhux magħna ta’ Teatru Malta biss. Ħdimna ma’ Josette għal snin sħaħ u jekk inti taf lilha jew lil bintha Marta Vella mela mhux talli int probabilment ġejt mistieden fid-dar sabiħa tagħhom f’Ħal Kirkop, imma probabbilment ukoll iltqajt mar-Re tal-familja, Pug … il-pug li bla mistħija ta’ xejn ipprova jisraq l-attenzjoni minn fuq Josette f’dan ir-ritratt. Pug u Josette inqaflu u żammew kumpanija lil xulxin waqt il-pandemija, xi ħaġa li Pug żgur li ħa pjaċir biha għax huwa ovvjament imdorri sew bl-iskeda ma taqta’ xejn ta’ Josette.

Bejn il-fatt li tgħallem, tidderieġi u għadd ta’ proġetti oħra, it-terminu “mistrieħ” huwa kunċett stramb għal Josette, iżda issa fl-aħħar sabet il-ħin biex tnaqqas ir-ritmu u tieħu nifs fil-fond, fid-dar u b’distanza sikura minn ħaddieħor.  Ejja naraw flimkien x’qaltilna bħala parti minn Bezzjoni, serje ta’ Teatru Malta b’inkontri bieb bieb ma’ ikoni tat-teatru Malti.

 

Josette Ciappara hija normalment assoċjata mal-Edukazzjoni. Hija segwiet fil-passi ta’ ommha bħala għalliema, u introduċiet id-drama fit-tagħlim tagħha biex tilħaq aktar studenti. Rebħet borża ta’ studju mill-ambaxxata Franċiża u kellha offerti minn żewġ skejjel fir-Renju Unit. Meta ġiet lura Malta, saret membru tad-Drama Unit u tutur fl-MTADA minn fejn kienet iggradwat.

Fl-2001 inħatret kap taċ-Centru Mikelang Borg, li rrimpjazza l-MTADA. Matul l-aħħar sena tagħha bħala kap taċ-Ċentru tad-Drama, organizzat Festival tad-Drama Internazzjonali. Hija ħadet diversi rwoli ewlenin fi drammi u f’serje televiżivi.

“Illum jien uffiċjalment irtirata u saħansitra rnexxili nidħol bi tkaxkira fil-lista tal-“vulnerabbli”! Dan ifisser li jien mistennija nkun aktar attenta minn ħaddieħor f’dan il-mument storiku fejn id-dinja kollha twaqqfet. Mhux eżattament waqfien għalija peress li għadni mħabbta bil-proġetti normali tal-iffilmjar tal-programm tat-TV Staqsini 20 ma’ Ray Calleja u t-timijiet taċ-Ċirasa u l-Banana, li jipproduċu videos għall-iskejjel li huma involuti fil-YEP (Programm Edukattiv YiXue) li tnieda s-sena l-oħra bil-Kulleġġ Maria Regina fejn fl-aħħar qed nintroduċu mod pedagoġiku alternattiv biex ngħallmu lit-tfal kif jikkalmaw u jkunu aktar iffokati, qed nispiċċa l-aħħar lectures tal-Università fuq l-internet, u fl-aħħar insib ħin biex nagħti tindifa kif tmiss il-liġi, naqra l-kotba, nippermetti aktar ħin lili nnifsi għal sessjonijiet ta’ prattika u meditazzjoni u fl-aħħar iżda mhux l-inqas li ngawdi l-kumpanija tal-għażiż Pug. U iva, norqod ukoll!

“Dan iż-żmien stramb kien speċi ta’ barka f’ħafna modi. Nifhem li meta nintlaqtu minn “kriżi”, il-moħħ jitħalla jistrieħ. Il-prijoritajiet jinbidlu u aktar ma naċċetta inqas inħossni stressjata. Ovvjament qed inħoss in-nuqqas tat-teatru, nipposponi l-proġetti, is-safar, inżomm id-distanza mill-komunità Spero, nitbiegħed mill-maħbubin tiegħi minħabba “l-vulnerabilità” tiegħi, imma fuq kollox inħossni ferħana u aktar b’saħħti u qed nistenna bil-ħerqa “n-normalità” tirritorna mill-ġdid għax naf li “Dan ukoll se jgħaddi”.