#BEZZJONI: Albert u Jane Marshall

Ritratt: Elisa von Brockdorff

Ftit tal-ġimgħat ilu, kien it-Tnejn u l-vapur ta’ Għawdex reġa’ beda jopera, aħna tlaqna kollox minn idejna u tlaqna lejn ix-Xewkija. Kien waranofsinhar pjuttost imsaħħab u ħadna l-opportunità biex immorru naraw lil dik il-koppja dejjem simpatika, Jane u Albert Marshall għax dawn inzertaw Għawdex eżatti kif beda l-lockdown!

Hemm fi sqaq ċkejken mill-ewwel rajna l-bieb aħmar jgħajjat tagħhom. It-tnejn li huma staqsewna jekk kellniex problemi biex insibuhom iżda b’bieb sabiħ bħal dak (u bl-għajnuna ta’ google maps) sibna d-dar tagħhom bla telf ta’ żmien.

Albert staqsa għaliex wasalna tard imma Jane malajr fakkritu li fil-fatt ma konniex tard imma fil-ħin, konna bgħattna email oħra li hu mid-dehra ma kienx intebaħ biha. Fuq kollox dawn l-affarijiet wieħed jistennihom meta jkun tassew imħabbat il-ġurnata kollha jmexxi l-Kunsill Malti għall-Arti minn fuq Zoom.

Jane qaltilna li kienet xi ftit inkwetata li l-pjanti tagħha f’Malta kienu bil-għatx u mbagħad, qabel ma ħadnilhom dan ir-ritratt, iċċekkjat il-bieb ma jmorrux jispiċċaw imsakkrin barra! Huma qasmu magħna l-ħsibijiet tagħhom dwar il-ħajja f’dawn iż-żminijiet tal-COVID-19 bħala parti mis-serje ta’ Teatru Malta #BEZZJONI, serje ta’ laqgħat bieb bieb ma’ ikoni tat-teatru Malti 😍

💌💌💌

Jane Marshall hija attriċi veterana li l-karriera teatrali u televiżiva tagħha bdiet fis-snin sittin. Jane tibqa’ magħrufa għall-interpretazzjoni kontroversjali u kommoventi tagħha tat-tfajla ribelli, Rita, fil-famuża IL-MADONNA TAĊ-ĊOQQA. In-nies iħobbu lil Jane wkoll għall-partijiet li interpretat f’teleserji ewlenin bħal IPOKRITI, F’BAĦAR WIEĦED, VAGANZI F’ĦAL BLA RAS u oħrajn. Jane għamlet ħmistax-il sena msiefra l-Awstralja fejn kienet maħbuba mill-komunita’ Maltija-Awstraljana għal xogħolha fil-qasam tat-teatru mużikali bil-Malti l-aktar f’Sydney u Melbourne.

L-aktar dehra reċenti ta’ Jane fuq it-television Malti kienet fis-serje STRADA STRETTA. Żewġha ALBERT MARSHALL huwa kittieb, direttur tal-palk u t-televiżjoni, għalliem u xandar. Albert huwa meqjus bħala artist li kien responsabbli għal diversi ‘new waves’ innovattivi fl-oqsma letterarji, teatrali u televiżivi Maltin. Illum jokkupa karigi għoljin fl-oqsma tax-xandir u setturi kulturali tal-pajjiż.

Jane tfisser kif ħajjitha u ħajjet żewġha Albert inqalbet ta’ taħt fuq – forsi għall-aħjar…

“Inqbadna Għawdex malli feġġew l-ewwel każi tal-imxija. Stajna mmorru lura Malta, imma l-parir mediku kien li nibqgħu hawn peress li kemm jien u kemm Albert naqgħu fil-kategorija tal-“vulnerabbli” – “venerabbli”, kif jgħidilhom Albert.

Għal-ewwel ħadtha bi kbira ħafna u kont anzjuża immens, speċjalment meta l-ħsibijiet kienu jaqgħu fuq it-tfal u n-neputijiet li jgħixu tant ’il bogħod minna fl-Awstralja – kienu se jżuruna dalwaqt – f’Ġunju… Issa tħassar kollox u min jaf meta se nkunu nistgħu niltaqgħu.

Aħna xxurtjati għax fejn inqbadna kienet id-dar tagħna fix-Xewkija: Albert kellu u għad għandu sfida kbira biex izomm ix-xogħol kumpless tiegħu tal-Kunsill tal-Arti u impenji oħrajn li għandu, għaddejja online – telefonati twal u konferenzi virtwali ma jaqtgħu xejn. Imma għallinqas iffrankajt li noqgħod inlestilu l-qomos kuljum biex imur għax-xogħol pulit!

It-tindif tad-dar ħa dimensjoni oħra, għax moħħni biex naħsel u niddiżinfetta x-xirjiet li ġentilment jitwasslulna wara l-bieb, aktar milli noqgħod infarfar u nagħmel it-tindif ġenerali tas-soltu.

Bħal kulħadd qed niddedika ħafna ħin għat-tisjir, u bdejt nipprova nagħmel ftit eżerċizzju kuljum u xi kultant immorru xi mkien ’il bogħod u nimxu mixja fejn ma naraw u ma niltaqgħu ma’ ħadd.

Imma xorta waħda lil Albert il-ħin kollu nfakkru biex jaħsel idejh sew; biex jagħmel hekk, u ma jagħmilx hekk – ġennintu!

Kif qaleb it-temp, bdejt inħossni ħafna aħjar: aċċettajt is-sitwazzjoni u bħala terapija bdejt inkattar il-qsari u l-fjuri u nagħtihom ħafna attenzjoni.

Qed inqatta’ ħafna ħin ukoll nisma’ l-mużika u npinġi – sigħat twal inpinġi – naħdem fuq proġett li ħajjarni bih Mark, it-tifel tagħna li jgħix l-Awstralja. Kont ilni ma npinġi żmien twil – minn meta kont għadni l-Iskola. Qed inżomm djarju wkoll! Dan id-djarju m’għandux appuntamenti għand il-hairdresser fih, jew ħinijiet għal rehearsals, jew dati ta’ kunċerti u stedin ma jaqta’ qatt għal avvenimenti kulturali pubbliċi fejn wieħed irid joqgħod jiddandan! Il-ħajja sempliċi saret togħġobni wisq.

Imma l-ħsieb tat-tfal u n-neputijiet daqstant ’il bogħod fl-Awstralja u l-fatt li ma nafx meta se nerġa’ narahom, ikiddni wisq.”

Albert iżid il-biċċa tiegħu:

“Jane tat ħjiel ta’ x’inhi n-narrattiva tiegħi f’dawn iċ-ċirkustanzi biżarri u straordinarji. Inżid biss li mal-weġgħa tan-nuqqas ta’ wliedi u wlied uliedi (li għal xi raġuni f’dawn iż-żminijiet qed inħossha aktar akuta) żdiedet weġgħa oħra – dik li ninsab mifrud mill-għeżież kotba tiegħi. Għawdex għandi xi kotba, imma mhumiex ‘il-librerija’ tiegħi. Mingħajr il-kotba tiegħi, l-iżolament inħossu doppjament. Minkejja, kif qalet Jane, li ninsab f’kuntatti kontinwi mal-kollegi tiegħi u nies oħra fuq il-bankijiet ta’ xogħli, xorta nħossni iżolat (f’gaġġa bil-guzwajer tad-deheb, jekk tridu).

Min jafni jaf li għalija l-kuntatt fiżiku mal-proxxmu tiegħi huwa karatteristika bażika tal-imġiba tiegħi – erħini ngħannaq u nbewwes b’affezzjoni ġenwina. Hekk maħluq jien. Issa fuq it-television nismagħhom jgħidu li qatt u qatt aktar m’aħna se nkunu f’pozizzjoni li nistgħu nġibu ruħna hekk: verboten…kixxi…Margaret Atwood…

Qed ngħeja niċċassa lejn skrin inanimat nagħmel laqgħat virtwali u konverżazzjonijiet anemiċi. Imma almenu qed insib il-ħin nispiċċa proġetti ta’ kitba mibdija u issa mitmuma. Qed nabbozza xi xogħlijiet għat-teatru… U qed naħseb ħafna kif se nqatta’ l-bqija ta’ ħajti issa li din l-esperjenza gegħlitni nidħol f’qoxorti waħda sew u niddistillizza x’inhu essenzjali u x’mhux. Qed inħossni patri novizz lejlet id-dħul tiegħu għall-ħajja monastika…

Imma fil-qalba ta’ qalbi naf li, għax minn ewl il-bniedem li meta jgħaddi s-saram, il-proponimenti u l-istħajjil kollu jtiru ma’ riħ ta’ siegħa, se nerġgħu lura għall-‘mamma rutina’ u n-normi li sawruna:

‘Normalità ġdida’ qed isejħulha… Jekk tippermettuli, jien inżid kelma: ‘normalità ġdida immaġinata”.