Tatjana Chircop

Mużiċista

Biografija

Tatjana Chircop bdiet il-vjolin u l-pjanu minn età żgħira u ngħaqdet mal-Orkestra tat-Teatru Manoel bħala vjolinista fl-1988.

Fl-1991 rebħet il-kompetizzjoni tal-mużika Bice Mizzi Vassallo u ngħatat borża ta’ studju fil-Conservatoire National De Region, Lyon, Franza, fejn studjat ma’ Veronique Riou u Roger Germser. Fl-1995 ġiet ammessa bħala Fellow tat-Trinity College, Londra. Bejn l-1997 u l-2002, hija kienet it-tieni vjolinista prinċipali tal-Orkestra Nazzjonali, Malta u wara s-sotto-mexxej tal-istess orkestra. Bejn l-1989 u l-2007 kienet tgħallem il-vjolin u l-pjanu fl-Iskola tal-Mużika Johann Strauss, il-Belt Valletta.

Chircop ifformat parti minn numru ta’ gruppi chamber fosthom Issa Ensemble, Musique de Chambre: Pro Arte u l-kwartett Almaz. Kienet membru tal-Equinox Trio li jispeċjalizza fil-mużika kontemporanja u esegwiet xogħlijiet kontemporanji ta’ kompożituri bħal Edward Manukian u Man-Ching Donald Yu. Bħalissa hija membru tal-VIBE (Valletta International Baroque Ensemble) kif ukoll membru tal-Janascharco Trio li rrekordja CDs u ddebutta xogħlijiet tal-kompożitur Malti Prof. Joseph Vella u John Simpson.

Hi rrekordjat għat-televiżjoni u r-radju Maltin u ddebuttat xogħlijiet għall-kompożitur Franċiż Jean Bouvard u diversi kompożituri Maltin fosthom Jes Grixti, Mariella Cassar, Karl Fiorini, Chris Muscat, Manuel Pirotta, Veronique Vella u Ruben Zahra. Il-wirjiet tagħha bħala solista u f’chamber ensembles ħaduha l-Italja, Franza, il-Ġermanja, l-Ingilterra, l-Iskozja, il-Belġju, is-Sirja u l-Korea ta’ Fuq fejn daqqet f’diversi festivals fosthom l-Aberdeen Festival u l-Victoria Arts Festival fejn tat ukoll masterclasses tal-vjolin.

Minbarra l-prestazzjonijiet, Chircop wettqet ukoll studji dottorali fejn fir-riċerka tagħha, Chircop tgħaqqad in-natura tal-ġeneru tal-formazzjoni tal-identità tan-nisa żgħażagħ mal-mużika li jisimgħu. Ir-riċerka tiffoka fuq kif iż-żgħażagħ Maltin jagħtu tifsira lill-mużika li jisimgħu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u kif jinkorporaw dan it-tifsir fid-diskorsi u l-identitajiet ta’ kuljum.