Simone Spiteri

Attriċi

Biografija

SIMONE SPITERI twieldet fl-1983 u bejn l-1996 u l-2004 hija tħarrġet għad-Diploma fir-reċtar fiċ-Ċentru Malti għad-Drama. Hija kisbet il-Baċellerat tal-Arti (Hons.) u l-M.A. tagħha fl-Istudji Teatrali mill-Università ta’ Malta. Fl-2004 waqqfet il kumpanija teatrali tagħha stess, Dù, li fiha hija attriċi, direttriċi u kittieba. Ix-xogħol miktub u dirett tagħha ntwera fid-Danimarka, l-Eġittu, Sqallija, Spanja, il-Maċedonja, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza. Tnejn mix-xogħlijiet miktuba
tagħha, Appuntamenti (2009) u Kjaroskur (2011), rebħu l-ewwel premju fil-konkors Nazzjonali Francis Ebejer għall-kitba tad-drammi. Kemm Appuntamenti kif ukoll Lacuna (2006), ġew magħżula bħala wħud mill-aqwa 120 dramm għall-palk Ewropew fil-pubblikazzjoni biannwali tal-Konvenzjoni Ewropea tat-Teatru (ETC). Hija kitbet ħafna xogħlijiet għall-Festival Internazzjonali tat-Tfal ŻiguŻajg, u xogħlijiet għaż-żgħażagħ għall-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u ħadmet ma’ diversi kumpaniji fuq traduzzjonijiet ta’ klassiċi għall-Malti. Bejn il-produzzjonijiet tal-kumpanija tagħha ħafna drabi tikkollabora ma’ kumpaniji teatrali oħra fuq il-palkijiet ewlenin Maltin bħala direttriċi, attriċi jew drammaturga. Hija tgħallem part-time fid-dipartiment tal-Istudji Teatrali fl-Università ta’ Malta u ppubblikat kotba ma’ Merlin Publications. Fl-2014 kienet ukoll Osservatriċi Internazzjonali tad-Drammi fi New Visions, New Voices fiċ-Ċentru Kennedy f’Washington D.C. u residenti tal-
kitba magħżula f’La Chartreuse f’Avignon, Franza fl-2016. Fl-2020, Żewġ Drammi rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għad-Drammi. Hija wkoll parti mis-sottokumitat tat-teatru tal-MEIA (Malta Entertainment Industry Association). Fl-2020 inħatret ukoll bħala waħda mill-Artisti Assoċjati tal-kumpanija nazzjonali tat-teatru, Teatru Malta, u hija d-Direttur tat-Tagħlim fl akkademja tat-taħriġ teatrali Studio 18.