Nicole Mangion

Attriċi

Biografija

Għal Nicole, l-imħabba lejn is-settur tal-arti bdiet mill-età żgħira t’erba’ snin. F’din l-età bikrija, hija kienet tattendi għal-lezzjonijiet tal-kant u anki daħlet f’kompetizzjonijiet lokali. Attwalment, hija tagħmel parti mill-kor Joy Gospel Singers u tkanta wkoll bħala solista. Tul iż-żmien, nibtet l-imħabba lejn it-teatru lokali. Nicole kemm-il darba daħlet f’xi reċti li kienu jtellgħu l-iskola sekondarja fejn kienet tattendi u anki rebħet xi premji teatrali fi ħdan l-istess skola. Madankollu, l-imħabba lejn it-teatru laħqet il-qofol tagħha meta daħlet l-Università biex tagħmel il-kors tal-Baċellerat tal-Arti fil-Malti. Tul dan il-kors, wieħed ikollu l-opportunità sabiex jistudja mill-qrib l-istorja tat-teatru lokali u għalhekk, hija setgħet issegwi dan kollu mill-qrib. Waqt dawn is-snin ta’ studju, Nicole kienet tagħmel parti mill-Għaqda tal-Malti u fiha, hija kienet waħda mill-koordinaturi tal-grupp teatrali mwaqqaf mill-istess għaqda. Dan kollu ħajjar lil Nicole sabiex terġa’ tidħol fid-dinja tat-teatru. B’hekk, iddeċidiet li titħarreġ b’mod serju f’dan il-qasam u għalhekk, hija bdiet tattendi l-korsijiet li toffri l-kumpanija Freespirit Acting. Dan kollu huwa riċenti, u għalhekk, din hija l-ewwel produzzjoni li fiha Nicole ser tkun qed tagħmel parti mit-tim tal-kast.