Joseph Zammit

Direttur

Biografija

Joseph Zammit huwa attur u tenur. Fl-aħħar erbatax-il sena li ilu fix-xena tat-teatru, ħadem f’iktar minn mitt produzzjoni. Ħadem diversi rwoli fosthom Jamie f’‘Last Five Years’ (Masquerade), Manwel Dimech f’‘Il-Qfil u l-Ħelsien Skont Manwel Dimech’ (Teatru Malta). Joseph ħa sehem ukoll f’diversi operi bħal m’huma ‘Orphée aux Enfers’ bħala Pluto flimkien ma’ oħtu Maria Eleonora bħala Eurydice, u ħadem ukoll l-irwol prinċipali ta’ Hamid f’‘Aħna Refuġjati’. 

Zammit huwa membru oriġinali ta’ WhatsTheirNames Theatre u kien jagħmel parti mill-produzzjonijiet kollha tagħhom ta’ Shakespeare, b’mod speċjali ta’ Benedick (Much Ado About Nothing) kif ukoll interpreta l-irwol ta’ Yvan f’‘Art’. Huwa wkoll membru oriġinali ta’ More or Less Theatre, li jtellgħu rappreżentazzjoni quddiem udjenzi ċkejknin f’teatri u skejjel madwar Malta u Għawdex u anke barra minn xtutna fosthom f’Washington D.C. u f’Edinburgh. Ħa sehem ukoll fuq it-televiżjoni bħala Kalċidon f’‘L-Għarusa’ u fiċ-ċinema bħala Roger Snr f’‘Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi’. Joseph ħa sehem ukoll fi 15-il pantomima konsekuttiva u huwa għalliem tad-Drama u l-Vuċi fil-Masquerade Theatre Arts School. 

F’Mejju se jerġa’ jagħmel l-irwol ta’ Magnus Coffinkey ma’ Give or Take Productions f’‘The Trials of Magnus Coffinkey’ fil-Brighton Fringe Festival.