Immanuel Mifsud

Direttur u Kittieb

Biografija

Wara s-sala tal-kappillan u l-iskola, kien l-Ateatru f’Tignè fejn Immanuel Mifsud nieda l-karriera teatrali tiegħu meta fl-1986
idderieġa double bill tiegħu stess. Fl-Università dderieġa Andorra ta’ Max Frisch u mbagħad, fil-kappella ta’ Tignè Yerma ta’ Federico Garcia Lorca, u A Kind of Alaska u Landscape (fi dlam ċappa) ta’ Harold Pinter. Eventwalment waqqaf It-Teatru tal-Għomja li ppreżentaw xogħlijiet kollettivi għall-festival Mediterranju ta’ Teatru Kollettiv (1990 u 1992). Bejn l-1995 u l-2000 għallem fl- iskola tad-Drama. Fl-istess snin waqqaf u ħadem ma’ Teatru Marta Kwitt li kien l-ewwel grupp teatrali Malti li ħa sehem fil-fringe ta’ Edinburgh (1999). Ma’ dan il-grupp, residenti f’dak li kien magħruf bħala MITP (illum Valletta Campus), tella’ Mistoqsijiet lill-Qamar, Ilma (Malta, Edinburgh) u Bakki (Malta u Sarajevo). Huwa dderieġa wkoll Oleanna ta’ David Mamet għall-International Society for Contemporary Literature and Theatre fil-Ġermanja. Mifsud qaleb għall-Malti u dderieġa Il-Gawwija ta’ Anton Chekhov u Ippermettili Nitlaq ta’ Alfred Buttigieg.