Christine Francalanza

Attriċi u Kantanta

Biografija

Christine Francalanza hija attriċi u kantanta li ggradwat miċ-Ċentru tad-Drama ta’ Malta f’Lulju 2006, wara kors intensiv ta’ tliet snin. Issoktat l-istudji tagħha biex setgħet takkwista il-LAMDA Diploma in Dramatic Arts (LDDA).

Christine ħadet sehem f’diversi produzzjonijiet teatrali f’Malta bħal Valerjana, The Rose Tattoo u L-Għanja taċ-Ċinju fit-Teatru Manoel, Il-Mitt Fehma tal-Kavallier John Giordimaina; produzzjonijiet mużikali bħal Disney Retuned, Il-Ħanina Maddalena u Il-Kbir Għadu Ġej, u anke commedia dell’arte fil-produzzjoni Il-Mistura taż-żgħożija għal Arlekkinu. Fis-sajf 2016 Christine kienet ukoll parti mit-truppa ta’ B’tal-Linja Jaqbillek Żgur; produzzjoni innovattiva fejn l-atturi jivvjaġġaw b’tal-linja l-antika biex iżuru rħula Maltin. Hi kienet ukoll parti mill kabarè teatrali Balzunetta Towers, proġett li sar fi-Pjazza Teatru Rjal, kif ukoll kellha parti fl-operetta Il-Madonna Tiegħi Aħjar Minn Tiegħek, produzzjoni ta’ Teatru Malta.

Notte Bianca 2017 ratha tirreċta bħala ġurdien f’Qatta Ġrieden, fl-2018 kienet buffu f’Ta’ Maġenbna Purċinelli u fl-2019 kienet il-Maġister fl-awla kriminali tal-qorti ta’ Malta fil-produzzjoni It-Tfajla li Stunat. Fl-2019 kienet parti mill-kast ta’ Fejn Jeħodna r-Riħ, fejn kellha waħda mill-partijiet prinċipali. Christine tgħid li f’din il-produzzjoni interpretat wieħed mill-iktar karattri għal qalba fil-karriera tagħha. Christine ħadet sehem fi produzzjonijiet barra minn xtutna ġewwa festival tad-drama fit-Tuneżija bil-klassika Griega ta’ Ewripide, Il-Feniċi, fl-Awstrija bil-produzzjoni Ġaħan: The Town Idiot, f’Sirakuza bi klassika Griega oħra Il-Bakkanti u fi Frankfurt fejn reġgħet ittellgħet The Rose Tattoo ta’ Tennessee Williams. Ġewwa Malta ħadmet fi produzzjoni Cantina mal-kumpanija Belġjana Laika għall-okkażjoni ta’ Valletta 18. Matul is-snin ħadet sehem ukoll fuq it-televiżjoni Malti fi produzzjonijiet bħal Santa Monika, Miskin Mike, Salib it-Toroq u Elf Metodu. Il-pandemija ma waqfitx lil din l-attriċi milli tagħmel dak li tħobb u fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali rajnieha tinterpreta l-karattru ta’ Jolene Testa, f’Kuruna Kommandos. Hawnhekk hi kellha wkoll tikteb l-iscript tal-karattru li nterpretat. Hi ħadmet taħt diretturi kemm Maltin kif ukoll internazzjonali bħal Lino Farrugia, Albert Marshall, Mario Azzopardi, Narcy Calamatta, Charles Stroud, Lee-N Abela, Simon Bartolo, Sean Buhagiar, Josette Ciappara, Mavin Khoo u Artuz Shavez fost l-oħrajn. 

Christine kienet ukoll tgħallem id-drama ġewwa skola sekondarja, kif ukoll kienet ikkommisjonata biex tagħti workshops relatati lil għaqdiet bħal Dr Klown. Hi baqgħet iżżomm ruħha aġġornata b’korsijiet, seminars u workshops qosra fuq suġġetti relatati bħal Teatru tal-Komunità, Teatru għall-Anzjani, musical theatre u voice and movement techniques.

Apparti r-reċtar Christine għandha wkoll għal qalbha l-kant u għal għadd ta’ snin kienet tagħmel parti mill-kor Voices. Fl-2020, flimkien ma seba’ kantanti oħra, iffurmat il-grupp KORO, grupp fejn laqqa’ l-kant mat-teatru fi produzzjoni ta’ Festivals Malta li saret Forti Sant’ Iermu, Iss’ Aħna l-Kor, b’kitba u direzzjoni ta’ Simon Bartolo.