Stqarrija ta’ Teatru Malta

Ilbieraħ ħriġna ittra miftuħa bi tweġiba għal post pubbliku li sar fil-Jum Dinji tat-Teatru. Aħna nsostnu li nemmnu li ma għamilna xejn ħażin billi ċċarajna pubblikament il-pożizzjoni tagħna għal ittra pubblika. Nemmnu li l-artisti tagħna jistħoqqilhom jiġu mwieġba, u ridna nispjegaw u nidħlu f’diskussjoni kostruttiva. Madankollu ninnutaw li dan ma serviex l-iskop li xtaqna għalih, dak li nagħtu s-setgħa lill-artisti biex jitkellmu u jinvolvu ruħhom waqt li nispjegaw ir-raġunament tagħna; minflok deher li ħoloq antagoniżmu mhux mixtieq ma’ numru ta’ prattikanti.
Aktar tard il-MEIA, li nnutat dan l-antagoniżmu iżda fehmet l-intenzjonijiet tajbin wara l-ittra tagħna, talabet laqgħa, li Teatru Malta u ACM aċċettaw bil-ferħ. Bħala sinjal ta’ rieda tajba ma’ Chris, MEIA u l-artisti li ħassew hekk, iddeċidejna li nneħħu l-ittra miftuħa tagħna u r-referenzi tagħha mill-portali tagħna, sa ma jkun hemm laqgħa bejn Teatru Malta, ACM, u MEIA. Aħna se noħorġu mill-ġdid kwalunkwe kjarifika wara din il-laqgħa bit-tama li ngħaqqdu aktar is-settur tagħna.