Ilħna Mitlufa jasal Torino!

 

Dan il-weekend, għal żewġ serati uniċi, il-produzzjoni li timxi minn post għal ieħor, Ilħna Mitlufa se ssir fis-Sala Scicluna ta’ Torino; l-ewwel palk internazzjonali għal dan l-ispettaklu fil-5 u s-6 ta’ April, b’kollaborazzjoni ma’ LabPerm di Castaldo. Is-sala, iddedikata għall-ikona tat-teatru Malti-Taljan tant mibki, Pino Scicluna, għadha kif ġiet inawgurata s-sena l-oħra, u hija xhieda tal-karriera u l-imħabba li Scicluna kellu għas-sengħa tat-teatru. Din l-imħabba tgħix permezz tad-dedikazzjoni ta’ martu Katia Capato li tmexxi l-istabbiliment, bħala wegħda li għamlitlu bosta snin ilu. Ilħna Mitlufa huwa parti minn dak li Sala Scicluna qed issejjaħ il-“Malta Project” tagħha, fejn għadd ta’ produzzjonijiet Maltin se jintwerew fis-sala matul il-programm ta’ avvenimenti li ġejjin. Ilħna Mitlufa hija l-ewwel f’din is-serje ta’ avvenimenti u timmarka wkoll il-bidu ta’ relazzjoni li ilha teżisti bejn Malta u Torino.

Il-wiri ta’ Ilħna Mitlufa f’Torino, se jkun l-ewwel waħda minn sensiela ta’ ġiti antiċipati f’Malta u barra matul il-bqija tas-sena. Li jmiss se tkun fit-Teatru Astra ta’ Għawdex fil-5 ta’ Mejju li ġej. L-ispettaklu matinee ta’ darba biss se jkun bil-Malti iżda se jkollu s-sottotitli. Għandu jċaqlaq l-udjenzi jkunu min ikunu; barranin jew lokali, żgħar jew kbar. Din hija tassew produzzjoni li tolqot korda nostalġika ma’ kulħadd permezz tal-Għana, xi ħaġa li Andrew Alamango, id-direttur mużikali ilu jirriċerka għal ħafna snin. L-ispettaklu jirrakkonta l-wirt ta’ storja antika, minsuġa mill-għannejja tal-imgħoddi u tal-lum, irrakkuntata permezz tal-poeżija – mitkellma, miktuba u rreġistrata.

L-għannej huwa poeta, dak li jżomm il-memorja ħajja, dak li jirrakkonta l-istejjer, l-animatur komiku. Huwa jgħanni f’isimna u f’isem dawk li tilfu l-vuċijiet tagħhom biex b’hekk iġġedded tradizzjoni mingħajr intoppi u jżewweġ il-passat mal-preżent permezz tal-għana.

Mariele Zammit u Andrew Alamango flimkien mad-dramaturg Domenico Castaldo ilhom jipprattikaw dawn l-aħħar tlett xhur għall-prima tal-ispettaklu tagħhom barra minn xtutna, allura jekk tinsab f’Torino titlifhiex. Nassigurawk li ma tkunx diżappuntat.

Għal aktar informazzjoni dwar Ilħna Mitlufa ikklikkja hawn.

 

Image may contain: one or more people, people sitting, guitar and indoorImage may contain: 1 person, sitting, table and indoorImage may contain: 1 person

Photos taken by: Vincenzo Capriolli